Imwieled fil-21 ta’ Settembru tal-1996 ġewwa Vlore fl-Albanija, Francesco Tahiraj jifforma parti mill-ġenerazzjoni tad-deheb li l-istess Albanija qiegħda tipprovdi lid-dinja kalcistika.
Tahiraj kien jifforma parti mill-Akkademja tal-Juventus fejn dam ġewwa Turin għal ħafna żmien. Illum il-ġurnata, dan il-plejer Albaniż qiegħed jilgħab ġewwa s-Slovenja, mat-tim ta’ NK Zarnc li ftit tal-ġimghat ilu kienu ġewwa pajjiżna għal training camp qasir.
F’intervista esklussiva li għamilt mal-istess plejers ftit taż-żmien ilu, tkellimna fuq il-passat tiegħu mal-Juventus u anke ma’ klabbs oħra Taljani u anke iddiskutejna s-sitwazzjoni ta’ plejers żgħażagħ ġewwa l-futbol Taljan.
“Mat-tim ta’ Juventus kelli prattikament l-isbaħ snin ta’ ħajti, mingħajr ebda dubju. Is-soċjetà ta’ Juventus għallmitni ħafna, u għal dan, għad għandi rispett kbir lejha. Hemmhekk żviluppajt kemm kalcistikament u anke socjalment. Fatt kurjuż? Kienu saħansitra għallmuni kif inpoġġi waqt li niekol.’’
Mistoqsi wkoll dwar id-differenza bejn il-klabb ta’ Juventus u l-klabb ta’ Torino, fejn Tahiraj qatta xi staġuni wkoll, huwa tenna li hemm abbiss bejn iż-żewġ klabbs. Skont hu, il-klabbs huma ħafna differenti fil-mod ta’ kif imexxu, minkejja li ovvjament kemm il-Juventus u kemm it-Torino, huma żewġ klabbs professjonali, mhux biss bħala statut iżda anke bħala ħidma.
Huwa żied jgħid kif sfortunatament, ma’ Torino huwa ma tantx lagħab għaliex kellu xi injuries twal li żammewh barra mill-grawnd. Huwa kien anke ingħaqad mat-tim ta’ Carpi fejn fost oħrajn, kien skorja gowl kontra l-Juventus.
Peress li Tahiraj huwa plejer żagħżugħ u għadu kemm ħiereġ mill-futbol Taljan, kienet inevitabbli li d-diskussjoni tagħna taqa’ fuq is-sitwazzjoni taż-żagħżagħ ġewwa l-Italja, fil-kamp kalcistiku.
Tahiraj qal li hekk kif il-kuntratt tiegħu bħala plejer żagħżugħ skada, huwa kien talab lill-aġent tiegħu sabiex isiblu klabb barra mill-Italja, għaliex kien ċert li fl-Italja kien se jkun diffiċli biex isib post regolari ma’ tim, kemm fis-Serie A u anke fis-Serie B.