Hekk kif is-Sibt li ġej issir l-Open Day tal-klabb, bejn l-għaxra ta’ filgħodu u l-erbgħa ta’ wara nofsinhar, il-Juventus Club Malta Cuore Bianconero qed jagħti ċ-ċans li l-membri jirbħu żewġ biljetti għal logħba ta’ Juventus.

Din l-opportunità hi miftuħa għal dawk li, waqt l-Open Day, jissieħbu membri mal-klabb u jagħmlu wkoll is-sħubija mal-Official Fan Club (li qabel kienet magħrufa bħala DOC) u t-Tessera del Tifoso.

Dawk li s-sħubija tagħhom mal-klabb għadha valida, xorta waħda jistgħu jidħlu f’din il-kompetizzjoni billi jestenduha. Peress li s-sħubija mal-klabb hi valida għal sena, min jestendiha jkun qed iżid 365 ġurnata mal-perjodu li jkun fadallu attiv.

Grazzi wkoll għall-JCMCB Store, li jiftaħ uffiċjalment nhar is-Sibt li ġej, se nagħtu wkoll flokk uffiċjali kif ukoll polo shirt ta’ Juventus.

Dawn tal-aħħar jintrebħu permezz tal-kompetizzjoni Juventus Challenge, fejn dawk li jattendu jistgħu jittantaw xortihom f’logħba FIFA kontra Juventus. Dawk kollha li jirbħu jidħlu f’kompetizzjoni mar-rebbieħa kollha biex minnhom jintagħżlu żewġ rebbieħa finali.