Għeżież,

Din l-ittra għal kulħadd, Juventini u le, tfal u kbar, għal min iħobb il-futbol u hu dilettant ta’ tim wieħed partikulari, għal min għandu żewġt iġlud, waħda roża naturali u l-oħra tat-tim li għalih lest jidħol fin-nar.

Niftakarni meta kont iżgħar kont nixgħel it-televixin u nara Controcampo u Studio Sport u xi programm fuq ir-RAI li nsejt x’jismu. Kont nara Guida al Campionato. Żmien meta biex tara l-gowls ridt tistenna sa filgħaxija jew l-għada, mhux dak il-ħin stess minn fuq il-mowbajl. Tkun taf ir-riżultat b’xi radjolina, kollha textix, jew it-Teletext. Kont nara dawn b’mistoqsijiet f’moħħi: “x’għamel did-darba Del Piero? Tgħid skurja Trezeguet? Nedvěd lagħab?” U b’għajnejja jleqqu kont nara l-maġiji tal-ikoni Juventini. Niftakru qisu lbieraħ il-gowl strepituż ta’ Ibra kontra Roma. Niftakarni mibluh nara assist rovesciata ta’ Del Piero għal Trezeguet kontra Milan. Niftakar iċ-Cinque Maggio…

Insomma, ħa nieqaf hawn għax nimla 10 paġni bin-nostalġija, li mhux il-punt ta’ din l-ittra. Il-punt hu li l-futbol kien differenti, li l-kliem ‘imħabba’, ‘dinjità’, ‘gratitudni’ u ‘lealtà’ kienu jfissru xi ħaġa. Kien hemm plejers li kienu lesti jmutu għall-flokk: Del Piero, Zanetti, Maldini, Totti (li għalkemm m’għandix xi wisq grazzja miegħu…), Scholes, Carragher, u l-bqija. Kull tim kellu l-‘bandiera’ tiegħu, u ġieli iżjed minn waħda.

Ir-razza ta’ dawn in-nies qiegħda però tmut. Fl-istorja riċenti Juventina hemm Pogba, Vidal, u Bonucci li wiegħdu mħabba u paroli oħra hekk. Postijiet oħra kien hemm Lampard li mar mas-City, Götze, Hummels, Tevez li telaq minn ma’ Juventus biex jirtira ma’ Boca u issa qiegħed iċ-Ċina u s-saga ta’ Donnarumma. Ma ninsewx ukoll l-akkwist ta’ Higuaín minn Juventus. Juventus għad għandhom lil Marchisio, lil Buffon u lil Chiellini. Marchisio li għamel ‘like’ fuq powst t’Instagram ta’ sapporter li ħadha qatta bla ħabel kontra Bonucci, Buffon li tefa’ messaġġ ta’ konvenjenza, u Chiellini li bidel ir-ritratt tal-profil għal tiegħu jaqbad l-arma ta’ Juventus.

In-nies qed jgħidu li Dybala ħa jkun Del Piero l-ġdid. Tilludux ruħkom. M’għandux ħajja twila magħna speċjalment jekk nibqgħu nirbħu fl-Italja biss. Qalu li Pogba ħa jkun Marchisio l-ġdid u kulħadd jaf x’ġara. Il-flus saru importanti wisq, biżżejjed tara plejers bħal Hulk u Oscar iċ-Ċina, li ppreferew jarmu l-karriera u jaqilgħu l-flus milli jirbħu u jsiru idoli. Jekk ma jkunux il-flus, tkun ir-rieda t’iżjed rebħ jew ambjent ġdid – Higuaín u Bonucci per eżempju – imma ma nifhimx kif plejer imur għand diretta konkorrenta fl-istess pajjiż. Ma nifhimx kif id-diriġenza tħallih jitlaq. Kont irrabjajt kif Vidal telaq ma’ Bayern, għal ċifra miżera, diretta konkorrenta f’pajjiż differenti, aħseb u ara fl-istess pajjiż.

Żewġ kelmiet fuq Bonucci u nagħlaq hawn. Meta kellu t-tifel marid Juventus tawh sapport kemm kien hemm bżonn, ħallewh ma jiġix għat-taħriġ, u ħallewh ma jiġix għal-logħob. Jiġifieri kienu diċenti miegħu. Meta ġie minn ma’ Bari kien meqjus agħar minn Ranocchia. Ġabuh l-aqwa difensur ċentrali fl-Italja teknikament u tattikament, u wieħed mill-aqwa fl-Ewropa. Ried jibqa’ l-Italja, nifhimha, imma allura €40 miljun biss lil konkorrenta diretta? Stones inbiegħ €55.6 miljun…

Dejjem tagħkom,

Chardian

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280