L-għada tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-klabb bdiet ħidma ta’ xhur li mistennija twassal biex il-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero jibda jopera minn binja ġdida.
Il-premises il-ġodda, li huma ferm ikbar minn dawk attwali, se jwasslu għal iktar kumdità lill-membri, bi spazju li se jagħti lok lill-Kumitat u lil dawk li jattendu biex igawdu lil Juventus b’mod iżjed rilassanti.
Għalkemm ix-xogħol għadu fil-bidu, il-Kumitat ilu xhur jippjana din il-mossa li se twassal għal iżjed aċċessibbiltà u fuq kollox ambjent iżjed adattat għall-Juventini ta’ kull età, inkluż familji bit-tfal.
Madankollu, il-ħidma li hemm bżonn issir hi waħda kbira ħafna u se ġġib ukoll spejjeż konsiderevoli, speċjalment meta wieħed iqis li l-klabb hu mmexxi minn membri tal-Kumitat li jaħdmu b’mod volontarju.
Għalhekk il-Kumitat qed jappella lill-Juventini Maltin biex jissieħbu membri fuq juventusmalta.com/membership-form u fl-istess waqt li jkunu qed jgħinu biex din il-ħolma ssir realtà, igawdu wkoll mill-benefiċċji tas-sħubija.
Dawk li jixtiequ jgħinu iżjed, kemm b’donazzjonijiet ta’ oġġetti, memorabilia jew materjal, inkella jixtiequ jkunu sponsors tal-klabb, għandhom jibagħtu email fuq admin@juventusmalta.com biex jingħataw dettalji dwar il-pakketti ta’ riklamar.






