Wara li tlesta x-xogħol fis-swali prinċipali tal-klabb, fl-aħħar jiem beda xogħol fil-kamra tal-Kumitat fejn isiru l-laqgħat.
Normalment din il-kamra tkun minn tal-ewwel li titlesta, anke għaliex hu hawn li s-soltu jintlaqgħu membri distinti. Iżda l-Kumitat kien ħa deċiżjoni li l-flus limitati ta’ klabb li jiddependi mill-membri biex jiffunzjona jintnefqu l-ewwel fuq faċilitajiet li jintużaw mill-membri.
Issa li l-finanzi tal-klabb huma stabbli, beda x-xogħol biex titlesta parti oħra mill-proġett li wassal biex dan il-klabb jimxi għal binja ġdida fil-Marsa.
Minkejja dan, l-investiment hu wieħed kontrollat u maħsub li jkun ukoll sostenibbli. Tant hu hekk li n-nefqa għall-mejda tal-Kumitat kienet minima ħafna, bix-xogħol ta’ restawr fl-injam li hemm bżonn isir se jsir b’mod volontarju mill-membri tal-Kumitat.
Interessanti wieħed jinnota li l-mejda akkwistata mill-Kumitat hi waħda storika li għal snin twal intużat mill-Kunsill Studenti Universitarji fl-Università ta’ Malta u li madwarha ttieħdu deċiżjonijiet importanti f’din l-ogħla istituzzjoni edukattiva f’pajjiżna.
B’hekk il-Kumitat iffranka eluf ta’ ewro li soltu jkun hemm bżonn għal imwejjed ta’ dan id-daqs, bil-flus iffrankati issa jkunu jistgħu jintnefqu fi proġetti ppjanati li minnhom igawdu l-membri.





