Hekk kif għal ħafna dan hu ż-żmien ta’ festi u mistrieħ, il-Kumitat tal-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero ma waqafx mill-ħidma biex il-premises ġodda fil-Marsa jkunu lesti mill-iktar fis possibbli.

Matul il-ġurnata tlesta s-servizz tal-elettriku fis-sala prinċipali, waqt li għadu għaddej ix-xogħol fil-kmamar tal-banju u beda t-tqegħid tal-madum fit-terrazzin u l-gallarija.

Il-premises ġodda huma ferm ikbar minn dawk attwali u fuq kollox totalment aċċessibbli, b’numru ta’ faċilitajiet kif ukoll żona kbira ta’ parkeġġ madwar il-klabb.

Infakkru li sakemm ma joħroġx avviż ieħor, il-Juventini Maltin huma mistiedna jsegwu l-logħob ta’ Juventus, inkluż is-Supercoppa tal-Ġimgħa, fil-premises attwali tal-Imrieħel sakemm ikun lest ix-xogħol fil-premises ġodda fil-Marsa.

Se jkun hemm ukoll mużew ġdid dedikat totalment għal Juventus. Il-Kumitat qed jistieden lill-Juventini Maltin li jixtiequ jikkontribwixxu b’xi mod għal dan il-mużew, kemm b’donazzjoni jew b’self. Dawk kollha interessati li jgħaddu xi materjal li jaħsbu li jista’ jkun utli huma mitluba jibagħtu email fuq info@juventusmalta.com.

Dan il-pass ġdid se jġib spejjeż kbar lill-Kumitat li jaħdem b’mod volontarju, u fuq kollox xogħol biex fi ftit xhur il-post ikun lest biex jilqa’ lill-Juventini Maltin.

L-appell hu biex dawk li jixtiequ jgħinu iżjed, kemm b’donazzjonijiet ta’ oġġetti, memorabilia jew materjal, inkella jixtiequ jagħtu daqqa t’id b’mod manwali jew ikunu sponsors tal-klabb, jibagħtu email fuq admin@juventusmalta.com biex jingħataw dettalji dwar il-pakketti ta’ riklamar.

dical-banner-1200×280