Infetaħ kapitlu ġdid għal Juventus, hekk kif ħa jidħol fis-seħħ it-tim femminili li se jkun qiegħed jirrappreżenta lill-Vecchia Signora fil-kampjonat tas-Serie A Femminile mill-istaġun li ġej.
Bħalissa t-tim ta’ Juventus għaddej b’ħidma intensiva sabiex jingħaqad it-tim u mill-indikazzjonijiet li nistgħu nieħdu, jidher li qiegħed jiġi magħmul tim sabiex jikkompeti mill-ewwel għat-titlu flimkien mal-ġganti l-oħrajn, Fiorentina u Brescia.
Illum, it-tim se jkun qiegħed jibda s-sessjonijiet ta’ taħriġ tiegħu ġewwa Vinovo qabel ma jmorru lejn Aymavilles, ġo Valle D’Aosta għal training camp sal-20 t’Awwissu.
Tajjeb li nagħtu ħarsa lejn il-plejers li diġà qeghdin mat-tim ta’ Juventus:
Goalkeeper insibu lil Laura Giuliani, li twieldet fl-1993 u tifforma parti mit-tim nazzjonali Taljan. Riċentement, hija kienet qiegħda tilgħab fil-Bundesliga tal-Ġermanja ma’ Freiburg, f’kampjonat meqjus fost l-aqwa fl-Ewropa. Magħha nsibu lil Federica Russo, imwielda fl-1991, li kienet qiegħda tilgħab ma’ Luzern San Bernard tal-Svizzera.
Fis-settur difensiv, it-tim ta’ Juventus għaraf li jġib kwalità iżda anke esperjenza bi plejers bħal Sara Gama, 1989, li qabel ma lagħbet mat-tim ta’ Brescia kellha anke esperjenza ma’ Paris Saint-Germain fi Franza, l-istess tim li wasal sal-finali tal-UEFA Women’s Champions League l-staġun li għadda. Magħha nsibu anke liż-żewġ Taljani l-oħrajn, Cecilia Salvai, 1993, li anke hi tifforma parti min-nazzjonal, u Martina Lenzini, 1998, li tirrappreżenta lill-Italja fil-kategorija ta’ taħt id-19-il sena. It-tnejn li huma ġew mingħand Brescia wkoll. Taljana oħra ta’ prospett importanti hija Lisa Boattin, 1997, li ġejja mingħand Verona u fejn l-staġun li għadda lagħbet anke fic-Champions League.
Madankollu, Juventus qeghdin iħarsu anke fis-suq internazzjonali, fejn mingħand il-klabb Daniż ta’ Fortuna Hjorring li ta’ kull sena jipparteċipa fl-Ewropa, irnexxielhom jakkwistaw lil Tuija Hyryynen, 1988, li tilgħab ukoll mat-tim nazzjonali Finlandiż.
F’nofs il-grawnd, żgur mhux forsi li l-aqwa akkwist hija Martina Rosucci, 1992, imwielda proprju f’Turin u hija anke wkoll ħabiba ta’ Claudio Marchisio. Hija lagħbet ma’ Brescia fl-istaġuni li għaddew u anke tilgħab mal-Italja. Magħha nsibu lil Aurora Galli, 1996, li hija plejer internazzjonali Taljana u kienet ma’ Verona. Insibu wkoll lil Valentina Cernoia, imwielda fl-1991, li kienet ma’ Rosucci ma’ Brescia.
Intant, fis-settur offensiv, inġiebet l-attakkanta żagħżugħa mwielda fl-1999, Arianna Carusa, mingħand Res Roma, u nġiebet ukoll Simona Sodini, 1982, li għandha esperjenza vasta fl-ogħla livelli tal-futbol Taljan. Iżda l-aqwa akkwist kien dak ta’ Barbara Bonansea, 1991, li kienet meqjusa fost l-aqwa plejers fl-aħħar edizzjoni tal-kampjonati Ewropej li saru ftit tal-ġimghat ilu ġewwa l-Olanda.
Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.
Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com