Fl-unika partita tas-Serie A li ntlagħbet il-Ġimgħa filgħaxija, Juventus kienu fl-azzjoni ġewwa darhom kontra t-tim ta’ Palermo li jinsabu fit-tielet post mill-aħħar fil-Kampjonat. Juventus kienu qed ifittxu t-tliet punti biex ikomplu jsaħħu l-post tagħhom fil-quċċata tal-klassifika. Rebħa kienet tfisser li huma jitilgħu għal għaxar punti fuq it-tim ta’ Roma, però l-Bianconeri b’logħba iktar.

Massimiliano Allegri żamm il-formazzjoni ta’ 4-2-3-1 però għamel xi tibdiliet fil-formazzjoni inizjali anke minħabba xi injuries u sospensjonijiet. Buffon żamm postu fil-lasta filwaqt li fid-difiża kien hemm tliet tibdiliet mill-aħħar logħba kontra Cagliari. Dani Alves beda fuq il-linja tal-lemin filwaqt li Kwadwo Asamoah lagħab fuq il-linja tax-xellug. Il-koppja ċentrali kienet iffurmata minn Leonardo Bonucci li ta’ min jgħid kien qed jilgħab it-300 logħba tiegħu bil-flokk tant għal qalbu ta’ Juventus, filwaqt li miegħu kien hemm Medhi Benatia. Quddiem id-difiża bdew din il-partita Sami Khedira u Claudio Marchisio. It-tlieta ta’ quddiemhom kienu Marko Pjaca, Paulo Dybala u Stefano Sturaro filwaqt li l-Pipita kien il-punta prinċipali.

Mill-ewwel minuti Juventus urew l-intenzjonijiet tagħhom li jiskurjaw ballun kmieni u jamministraw il-logħba. Fil-5 minuta Juventus ingħataw freekick ftit metri ’l bogħod mil-linja tal-kaxxa l-kbira. L-Arġentin eks Palermo, Paulo Dybala inkariga ruħu mill-istess freekick li b’xutt destinat għar-rokna leminija ta’ Posavec bil-ballun jaħbat mal-lasta l-wieqfa, bid-difensuri ta’ Palermo jikklirjaw mill-ewwel. L-isforzi ta’ Juventus biex jiskurjaw kmieni kienu ppremjati fit-tnax-il minuta. Kien freekick mogħti minn Dani Alves f’nofs ta’ grawnd li dendel il-ballun lejn Higuaín li b’xutt mill-ewwel sab lil Posavec quddiemu iżda mir-rebound il-ballun ħadu l-principino Marchisio li b’xutt mill-ewwel tefgħu f’lasta vojta biex poġġa lit-tim tiegħu fil-vantagg.

Fis-17-il minuta waslet l-ewwel azzjoni tal-avversarji. Kien il-plejer bin-numru 30 Nestorovski li rċieva ballun fil-kaxxa u b’xutt mill-ewwel b’saħħtu u fil-baxx sab lin-numru wieħed ta’ Juventus li salva u Leonardo Bonucci tajjar il-ballun f’korner biex jevita l-periklu. Tliet minuti wara Juventus reġgħu kienu perikolużi. Kien korner mogħti minn Dybala, bil-ballun jasal għand Sami Khedira li b’xutt bomba ġiegħel lill-goalkeeper ta’ Palermo isalva tajjeb, iżda r-referee kien laħaq saffar is-suffara għal foul li wettaq Medhi Benatia fuq plejer ta’ Palermo.

Fit-33 minuta reġa’ kien fl-azzjoni l-ġojja ta’ Juventus. Hu avvanza tajjeb fejn qabeż żewġ plejers iżda x-xutt tiegħu minn barra l-kaxxa ma kienx ta’ periklu għal Posavec. Fl-40 minuta Juventus irduppjaw. Reġa’ kien protagonista Dybala fejn minn freekick minn barra l-kaxxa, pinġa l-ballun fl-anglu tax-xellug ta’ Posavec fejn kien impossibbli għalih li jsalva u b’hekk l-Arġentin tefa’ lil Juventus b’vantaġġ komdu ta’ 2-0.

Dik kienet l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima fejn Juventus kienu ferm aħjar mill-avversarji. Għalkemm Palermo ppruvaw jirreżistu lil Juventus, l-esperjenza u l-individwalità kienu fatturi li jagħtu vantaġġ lil Juventus. L-istatistika tal-pussess tal-ballun kienet ta’ 60% favur Juventus u 40% għal Palermo.

Massimiliano Allegri ddeċieda li jwettaq sostituzzjoni fil-half time meta Mario Lemina daħal flok l-internazzjonali Ġermaniż, Sami Khedira. Il-kowċ tat-tim Sqalli ddeċieda li hu wkoll iwettaq sostituzzjoni meta fil-50 minuta Mato Jajalo ħalla l-grawnd biex floku daħal Toni Šunjić. L-ewwel azzjoni denja ta’ nota tat-tieni taqsima waslet fit-62 minuta u wasal ukoll it-tielet gowl ta’ Juventus. Kien pass tajjeb ta’ Benatia lejn Dani Alves li kompla tajjeb lejn in-nofs fejn sab lil Dybala, l-Arġentin kien pront ippassja fil-kaxxa lejn l-kompatrijott tieghu Higuaín li b’xutt mill-ewwel tefa’ wara Posavec għat-tielet gowl tal-logħba.

Dan il-gowl kien ifisser id-dsatax-il wieħed għall-Pipita fil-Kampjonat. Fis-70 minuta ż-żewġ timijiet wettqu t-tieni sostituzzjoni rispettivament. Għat-tim ta’ Juventus ħalla l-grawnd Stefano Sturaro biex postu ħadu l-Kolombjan Juan Cuadrado filwaqt li għal Palermo Carlos Embalo daħal flok Sallai. Żewġ minuti wara Cuadrado kien fl-azzjoni mill-ewwel. Paulo Dybala għaddielu pass tajjeb lejn il-lemin fejn Cuadrado avvanza tajjeb iżda dam jaħsibha biex jixxuttja u d-difensuri ta’ Palermo għalqu l-ispazji kollha. Però Cuadrado xorta ttanta xortih b’xutt iżda l-ballun għadda għoli.

Tliet minuti wara waslet it-tielet u l-aħħar sostituzzjoni għal Juventus. Claudio Marchisio ħalla l-grawnd fost ovazzjoni mis-sapporters ta’ Juventus biex postu fil-midfield ħadu Tomás Rincón. Diego Lopez wettaq l-aħħar sostituzzjoni tiegħu wkoll fit-82 minuta fejn it-Taljan Alessandro Diamanti daħal flok Norbert Balogh. Juventus kienu bil-għatx għal iktar gowls u fid-89 minuta għaqqdu l-poker. Id-difensur ta’ Palermo Anđelković ma żammx il-ballun tajjeb wara li rċieva pass u Gonzalo Higuaín interċetta tajjeb u rebaħ il-ballun fejn baqa’ javvanza tajjeb fejn b’mod intelliġenti ppassja bit-takkuna lejn Dybala li b’xutt mill-ewwel fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka għat-tieni gowl personali u r-raba’ wieħed ta’ Juventus.

Hawnhekk assistejna għal azzjoni perfetta bejn iż-żewġ Arġentini li iktar kemm qed jgħaddi ż-żmien iktar qed ipaxxuna bil-logħob tagħhom. L-aħħar azzjoni tal-logħba waslet żewġ minuti fuq il-ħin regolari fejn wasal il-gowl ta’ konsolazzjoni għal Palermo. Kien kross minn fuq il-lemin ta’ Diamanti li sab lil Ivailo Chochev li għola fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras tajba għeleb lil Buffon. Din kienet l-aħħar azzjoni tal-logħba biex b’hekk il-partita ntemmet b’rebħa konvinċenti għal Bianconeri bl-iskor ta’ 4-1.

Rebħa komda u konvinċenti li tkompli tgħolli l-moral tat-tim Juventin fejn issa nhar l-Erbgħa ġewwa l-Portugall se jilagħbu l-ewwel leg tal-fażi tal-aħħar 16 tal-Uefa Champions League kontra Porto. B’vantaġġ komdu fl-ewwel post b’distakk tajjeb fuq l-eqreb rivali, Juventus issa żgur li wieħed mill-għanjiet tagħhom se jkun biex javvanzaw fl-Ewropa. Kif semmejt qabel din il-logħba kienet it-300 logħba bil-flokk iswed u abjad għal Leonardo Bonucci li daħal fil-lista tal-leġġendi Juventini. Plejer indispensabbli fil-qalba tad-difiża ta’ Juventus. Grande Leo!

SALUTATE LA CAPOLISTA!

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280