It-tim ta’ Juventus qata’ passaġġ lejn il-finali tat-turnew ta’ Viareggio għall-erbatax-il darba fl-istorja tiegħu hekk kif għeleb lit-tim ta’ Spezia wara l-għoti tal-penaltis, hekk kif huma spiċċaw f’parità ta’ 2-2 wara 80 minuta. Il-finali ser issir nhar l-Erbgħa li ġej fit-15:00 u se tkun trażmessa fuq Rai Sport 1, bit-tim ta’ Juventus jaffronta lil dak ta’ Palermo.

Kienet partita emozzjonanti fejn fl-ewwel taqsima, Spezia kellhom iżjed cansis bil-gowler Del Favero ikun dejjem preparat. Vadalà seta’ fetaħ l-iskor għal Juventus, iżda ċ-ċans tiegħu spiċċa jħakkek mal-lasta. Hekk kif l-ewwel taqsima dehret li ħa tintemm bl-iskor ta’ 0-0, l-attakkant prolifiku ta’ Spezia, Filipovic, fetaħ l-iskor wara assist ta’ Okereke.

Fit-tieni taqsima, Juventus dawru l-iskor fi ftit minuti, fejn l-ewwel kien Lirola li fajjar xutt sabiħ biex ġab id-dro għall-bianconeri. Ħames minuti wara, l-iskor ġie favur Juventus hekk kif minn kross ta’ Lirola, Schiattarella xeħet fix-xibka tiegħu stess. Madankollu, Spezia ġabu d-dro propju fl-aħħar minuta biex il-partita kellha tiġi deċiża wara l-għoti tal-penaltis.

Il-parità bejn dawn iż-żewġ timijiet propju ma riditx tispiċċa anke fil-penaltis, fejn hekk kif jiskurja tim, l-ieħor jirrispondi u anke kif tim ifalli, l-ieħor ifalli wkoll sakemm Del Favero laqa’ penalti mogħti minn Badiali, biex il-penalti konvertit minn Severin tefa’ lil Juventus fil-finali.