Rebħa konvinċenti ta’ 3-0 a spejjeż ta’ Spezia, fissret post awtomatiku fil-Final Eight tal-kampjonat Primavera għat-tim ta’ Fabio Grosso. Wara t-telfa tal-ġimgħa l-oħra kontra Livorno, kien neċessarju li t-tim jirritorna għar-rebħ sabiex jikkonferma l-qawwa tiegħu f’dan il-kampjonat.

It-tim ta’ Juventus ħareġ fuq l-offensiva mill-ewwel, b’Andrea Favilli jkun il-protagonist hekk kif deher l-iżjed plejer ispirat fil-grawnd matul id-90 minuta. Huwa fetaħ l-iskor wara 29 minuta wara li rċieva mingħand Roman Macek. Ta’ min isemmi, li dan tal-aħħar għadu kif ġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Juventus sal-istaġun 2018/2019. Fl-34 minuta, Gabriele Bove għamilhom tnejn bi ġmiel ta’ freekick li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper avversarju jilqa’.

Wara l-intervall, l-andament tal-partita baqa’ l-istess, b’Favilli jissiġilla r-rebħa kmieni fit-tieni taqsima permezz ta’ xutt stupend wara azzjoni sabiħa maħduma bejn Bove u Favilli stess. Hekk kif issa Juventus aċċertaw ruħhom minn post fil-Final Eight, il-kowċ Grosso jista’ juża l-aħħar partiti bħala esperiment sabiex idaħħal iżjed plejers u janalizza iżjed is-saħħa u l-vulnerabbiltà tat-tim qabel tibda l-aħħar fażi tal-kampjonat.