Illum-il ġurnata, kull klabb kbir madwar l-Ewropa żviluppa ħafna sistemi u staff sabiex staġun wara staġun jieħdu, jixtru u ġieli anke jkun hemm każi fejn ‘jisirqu’ l-aqwa talenti possibli fil-futbol Ewropew. It-tim ta’ Juventus mhux eċċezzjoni, tant li lesti joffru kuntratt professjonali ta’ tliet snin liż-żagħżugħ ta’ 16-il sena, Moises Kean.

Moises Kean huwa meqjus fost l-aqwa talenti mwielda fis-sena 2000 u diġà qiegħed jiġi segwit mill-aqwa klabbs madwar il-kontinent l-antik, fosthom it-timijiet ta’ Manchester, kemm City kif ukoll United.

Il-klabb minn Turin qiegħed jaħdem flimkien ma Mino Raiola u membri mill-familja tal-istess Kean, sabiex tiġi fi tmiemha din it-trattativa kemm jista’ jkun malajr biex il-plejer ikun jista jikkonċentra fuq il-logħob tiegħu fil-grawnd.

It-talent ta’ Kean wasal diġà Coverciano, tant li huwa ġie msejjaħ sabiex jitla’ man-nazzjonal Taljan ta’ taht id-19-il sena, fejn huwa skurja wkoll f’partita’ ta’ ħbiberija kontra Spanja fl-istess kategorija.

Talent bħal dan ma għandu qatt jintilef, u filwaqt li Kean ħa jġedded il-karriera tiegħu bil-flokk bi strixxi bojod u suwed, Juventus jittamaw li dan għad ikun talent kbir għal futur illi jissarraf f’iżjed suċċessi.