Għaddew biss ftit snin mindu Juventus bdew proġett li diġà qed iħalli l-frott, mhux biss fil-finanzi tal-klabb imma wkoll tattikament.

L-akkwisti li saru minn Beppe Marotta, assistit minn wieħed mill-aqwa akkwisti li qatt għamlu Juventus, Fabio Paratici, qed jagħtu risposta lil kulħadd.

Idejn Allegri, il-bniedem li daħal għand Juventus bid-daqqiet ta’ sieq u tgħajjir, komplew isaħħu skwadra li l-bażi tagħha tpoġġiet b’mod perfett minn Antonio Conte.

Is-70.8% pussess kontra Sassuolo, l-iskwadra li qed timpressjona ġimgħa wara l-oħra, inkluż fl-Ewropa, mhux b’kumbinazzjoni.

L-ewwel gowl: Khedira jirċievi ballun kważi fid-difiża, iqassam lejn Dybala li min-naħa tiegħu jkompli lejn Higuaín. Dan tal-aħħar mess il-ballun darbtejn biss f’din l-azzjoni, bit-tieni darba jkun xutt minn tarf il-kaxxa għal ġewwa.

It-tieni gowl: Jgħaddu biss ftit minuti. Pjanić iqassam lejn Dybala li b’pass mill-ewwel ikompli lejn Lichtsteiner li jikkrossja immedjatament fejn isib lil Dybala. Dan bir-ras jgħaddi lejn Khedira, li bir-ras ukoll ikompli lejn Gonzalo Higuaín biex ikompli għal ġewwa b’gowl mill-isbaħ li jħalli lil ħafna ħalqhom miftuħ.

It-tielet gowl: Higuaín jisfrutta clearance ħażina tad-difiża ta’ Sassuolo, jikkrossja lejn in-nofs fejn isib lil Pjanić li l-ewwel iħabbat il-ballun mal-lasta, b’daqqa ta’ ras, imbagħad ikompli faċilment fix-xibka.

Pjanić – Khedira – Dybala – trio tal-ħolm b’passes a memoria bejniethom, b’veloċità impressjonanti u kreattività inkredibbli li għamlu kollox faċli għal Higuaín.

Ħafna pussess, ħafna spettaklu. Plejers li jmissu l-ballun darba, massimu darbtejn, u fi ftit sekondi l-ballun ikun qasam il-grawnd għall-kaxxa avversarja.

Juventus kellhom 23 xutt, 10 minnhom lejn il-lasta, għall-kuntrarju tad-9 ta’ Sassuolo. Iċ-champions attwali tal-Italja wettqu 642 pass, kuntrarju għal 271 ta’ Sassuolo. Pjanić waħdu mess il-ballun 82 darba, Alex Sandro ta 9 crosses.

Logħob li mdorrijin naraw lil Barcelona jilagħbu. Logħob li s-soltu nieħdu gost nitpaxxew bih fuq il-Playstation kontra xi ħabib li miskin, ftit li xejn ikun qabad art.

Juventus urew li nbidlu. M’għadhomx jistennew biex jibdew l-azzjoni, imma jaħtfu l-okkażjoni, jieħdu vantaġġ minn kull spazju, bi plejers li jagħmlu li jridu bil-ballun.

Imma għall-kuntrarju, din hi r-realtà li qed ngħixu.

dical-banner-1200×280