Dalwaqt. Il-logħba tal-istaġun. Il-logħba li tista’ ddaħħal tim fil-leġġenda; Juventus bit-tripletta jew Real Madrid li jirbħu żewġ edizzjonijiet wara xulxin, ħaġa li ħadd m’għamel bil-format il-ġdid taċ-Champions League. L-inkurunazzjoni ta’ ħolma għal tim jew ieħor.

Ħdax-il iljun kontra ħdax oħra. Super potenzi Ewropej kemm fil-passat kif ukoll fil-preżent. L-aħħar preċedent f’finali rebħuha l-Blancos b’gowl ta’ Mijatović.

L-istennija kważi spiċċat. L-ansjetà le, tkompli tiżdied. Rekord ta’ finali mitlufin kontra rekord ta’ finali mirbuħa. It-tieni finali fi tliet snin. Did-darba iżjed konxji tas-saħħa tagħna. Kemm mentali kif ukoll fiżiċi, tekniċi, u tattiċi.

Ġo Berlin kulħadd kien qed jistenna telfa ta’ Juventus, inkluż l-awtur, u anke xi plejers ta’ Juventus. Din id-darba 50/50. Ġewwa Berlin Allegri kien qal 70/30 għal Barcelona. Issa le. 50/50. Għandna ċ-ċans.

Huma għandhom attakkanti stratosferiċi, tal-istess livell ta’ Barcelona. Mal-Blaugrana ma qlajniex gowl. Iebsa, imma possibbli ssir mal-Madridisti. Ikun miraklu sportiv. Mirakli li jseħħu. Chiellini, Bonucci, Barzagli, Buffon ħa jkunu s-sinsla tat-tim u dawk li għandhom jixprunaw lit-tim. Jafu xi tfisser logħba bħal din. Tilfu u rebħu wisq. Iridu jitkellmu, jiftiehmu, jagħlqu u jittekiljaw.

Imma mhux biss. Dani Alves u Mandžukić ħa jkunu importantissimi. Huma diġà rebħu t-tripletta, għandhom esperjenza qawwija internazzjonali u fuq palkijiet kbar. Alves b’mod speċjali. Spiċċut, moħli, agħar minn De Ceglie qalu… reġa’ twieled. Assists, gowls, passaġġi perfetti. L-iżjed plejer li ħoloq ċansijiet fiċ-Champions League. Inkredibbli. Ħafna snin ġo Spanja, ħafna snin kontra Real Madrid, ħafna snin kontra Cristiano. Ħafna esperjenza, intelliġenza, u ġenn tajjeb, sabiħ, li jneħħi t-tensjoni u jġiegħlu jilgħab tajjeb. Li jinżel escalator mimdud. Dani hemm ċans kbir itina t-tazza. Dani li rebaħ ’il fuq minn 30 unur.

Alex Sandro mhux b’inqas. Irid jisfrutta l-ispazju li jħallu warajhom Carvajal jew Danilo u l-midfielders. Irid jiġri, jiddefendi, jikkrossja. Irid jiftaħ l-ispazju. Irid iħaffer gandott mal-linja tiela’ u nieżel. Ovvjament, bl-għajnuna ta’ Marione. Li jrid jieħu kull ballun bir-ras, kull ballun bis-sieq, u jekk hemm bżonn il-familji tal-plejers ta’ Real ostaġġi. Irid jgħin fil-midfield billi jippressa lil Isco, Modrić, jew lil min ikollu l-ballun, jittekilja, iqaċċat, u li hemm bżonn. Dan joħloq paniku u spazju warajh għal Sandro. Spaco familia amazo familia.

In-nofs, jilgħab min jilgħab, irid jippressa, iqassam tajjeb, jiddefendi u jattakka. Pjanić ħa tkun l-ewwel darba tiegħu f’xi ħaġa hekk. Kalma Mira, kalma. Tgħaġġilx. Personalità. Tiżbaljax, u jekk tiżbalja, ikkalma kif jgħidlek Acciughina. Khedira jew Marchisio? Ftit jimporta. Ix-xogħol huwa l-istess: ikopri lil Mira, jagħmel l-inserimenti, u jiftaħ mal-ġnub u jippressa u jġib fix-xejn lil Casemiro, uniku midfielder difensiv ta’ Real. L-oħrajn f’idejn Mira, Mario, u Dybala.

Fl-aħħar l-HD. Dybala beka biki tad-demm f’Doha. Jaf x’jiġifieri. Gonzalo tilef mal-Arġentina fil-Copa America. Jafu xi tfisser titlef finali. Nofs ċans irid isarraf f’żewġ gowls. Gonzalo jrid jeħles minn Ramos, ivarja bejn il-linji ħalli jagħmel l-ispazju lil Dybala, Mandžukić u l-midfielders. Irid jagħti qalbu bħas-soltu. Dybala hemm bżonn li jinżel f’nofs il-grawnd, mal-linja, jiċċaqlaq il-ħin kollu. Bla punt ta’ riferiment. Ħa jħawwadhom u jfixkilhom u joħloq l-ispazji. Imbagħad jieħu l-ballun, iqassam, jieħu l-fawls forsi toħroġ biċċa maġija minn siequ jew minn sieq Mira.

Minn kulħadd hemm bżonn grinta, kalma, preċiżjoni u aggressività. Bla fawls fil-vojt u koroh, imma hemm bżonn iduqu s-saħħa Juventina. Ħa nuruhom li aħna ljuni li ma nibżgħux. Li m’aħniex David, imma Gulija, bħalhom. Li aħna aħjar. Irrid tackle mingħand Chiellini fuq Ronaldo bħal sentejn ilu meta kien kważi bikkieh u l-klabb fraħna qisu skurja rovesciata u kważi waqa’ s-saqaf bl-għajjat.

X’nistudja nistudja u moħħni fl-eżamijiet. Irrid rebħa, wara stennija twila, fiċ-Champions League. Vincere non è importante, è l’unica cosa che conta. Forza ragazzi.

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280