minn Gordon Pace

Fil-qosor please…

Il-ħin prezzjuż u b’rispett lejn in-nies ta’ madwari nipprova ma naħli ħin ħadd. Għalhekk se mmur dritt għall-punt, jew aħjar, punti.

Inħoss li huwa importanti li kull min hu membru tal-klabb ikun jaf x’inhu għaddej…

Sistemi, proċessi u KPIs

Matul dawn it-tliet xhur, il-Kumitat wettaq eżerċizzju intensiv ta’ organizzazzjoni fejn jidħlu proċessi u sistemi interni tal-klabb. Fost il-bidliet prinċipali hemm il-mod li bih il-membri jinkitbu sabiex imorru jaraw logħob ta’ Juventus, u anke bidliet fis-sistema finanzjarja tal-klabb.

Qed jinżamm rendikont kemm jista’ jkun dettaljat ta’ kull oġġett li jista’ jgħinna biex naslu f’punt fejn il-klabb ikollu l-Key Performance Indicators neċessarji sabiex eventwalment ikunu jistgħu jiggwidaw lill-Kumitat u lil kumitati futuri fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Żieda sostanzjali fl-attendenza fil-klabb

S’issa jidher li dan l-istaġun se jkun wieħed rekord għalina bħala klabb. Irreġistrajna żieda mhux biss fil-membri iżda wkoll fin-numru ta’ nies li qed jattendu l-klabb sabiex isegwu l-logħob. Naturalment, inkunu qed nitmejlu b’xulxin jekk ngħidu li dan seħħ bis-saħħa tal-ħidma tal-Kumitat biss. L-effett Ronaldo kellu impatt żgur.

Min-naħa l-oħra, bidliet żgħar fl-istrateġiji tal-pjanijiet ta’ marketing u relazzjonijiet pubbliċi kellhom ukoll l-impatt mixtieq.

Kap Eżekuttiv

Il-klabb tagħna huwa l-ewwel klabb tal-ġeneru tiegħu f’pajjiżna li ħatar Kap Eżekuttiv. Il-ħatra ta’ Marlon Hili bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-klabb saret wara l-approvazzjoni tal-emendi fl-istatut mill-membri li attendew l-AGM f’Awissu.

Din il-ħatra qed twassal biex il-klabb jissaħħaħ fuq livell finanzjarju u operattiv.

President

L-aħħar ħaġa…

Issa ili nokkupa l-kariga ta’ President tal-klabb għal dawn l-aħħar tliet xhur. Naf li hawn ħafna li għalkemm jattendu l-klabb ta’ spiss, ma jafux min jien jew li jien il-President attwali.

Qatt ma fittixt attenzjoni l-aktar għax nemmen li l-President mhux iċ-ċentru tal-klabb. Iċ-ċentru tal-klabb għandu jkun il-membru, ħadd iktar. Hu għalhekk, flimkien ma’ tim inkredibbli ta’ nies, li naħdmu kemm nistgħu biex dan il-klabb jissaħħaħ u jikber bl-iskop li joffri l-esperjenza Juventina lill-membri tiegħu, b’mod serju u professjonali.

Grazzi lil kull min wera fiduċja fil-klabb u ssieħeb bħala membru.