Il-Juventus Club Malta Cuore Bianconero laqa’ proposta li jitwaqqaf klabb ġdid tas-Subbuteo li jirrappreżenta lil Juventus f’pajjiżna.

L-idea hi li minbarra li l-klabb ikollu attrazzjoni oħra għall-membri tiegħu, ikun ukoll qed jgħin f’qawmien mill-ġdid għal dan l-isport. Biex dan il-proġett jirnexxi, il-klabb qed jafda f’Joseph M. Debono, li jmexxi lil Attard Subbuteo Club u għandu għexieren ta’ snin ta’ esperjenza f’dan l-isport.

Fil-futur qrib il-klabb se jakkwista mejda tas-subbuteo, u se ssir logħba ta’ esibizzjoni fil-binja tal-klabb stess. Fid-dawl ta’ dan, il-Kumitat qed jara jekk hemmx interess minn membri tal-klabb li jew kienu jilagħbu jew jixtiequ jitgħallmu din il-logħba.

Il-klabb qed jilqa’ wkoll interess minn stabbilimenti li jixtiequ jisponsorjaw dan il-proġett. Tal-għajnuna tagħhom, dawn l-istabbilimenti jieħdu riklamar u saħansitra l-possibbiltà li t-tim jissemma għalihom.

Jekk interessat, tista’ tagħmel kuntatt ma’ xi membru tal-Kumitat inkella b’email fuq info@juventusmalta.com.