Il-Kumitat iħabbar li fadal biss sa tmiem din il-ġimgħa biex wieħed jibbukkja għall-party tal-Milied b’xejn għat-tfal tal-membri kif ukol l-ikla tal-Milied fuq bażi buffet.
Party tal-Milied b’xejn ghat-tfal tal-membri
Wara l-attendenza numeruża tas-sena li għaddiet, il-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero mill-ġdid qed jorganizza l-party tal-Milied b’xejn għat-tfal tal-membri.
Din is-sena, il-party se jsir fil-klabb stess nhar il-11 ta’ Diċembru, u għal sagħtejn sħaħ (bejn l-10:00 u nofsinhar) se jkun hemm ikel kif ukoll divertiment u diversi rigali għat-tfal.
Il-ġenituri li jixtiequ jibqgħu mat-tfal jistgħu jagħmlu dan.
Ikla tal-Milied fuq bazi buffet
Il-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero għal sena oħra se jorganizza l-ikla tal-Milied, fuq bażi buffet, wara s-suċċess tal-edizzjonijiet tas-snin li għaddew.
Għall-prezz ta’ €25 għall-kbar, jew €15-il għal tfal ta’ età bejn is-7 u t-12-il sena, wieħed isib għażla ta’ antipasto, sopop, għaġin, u deżerta minbarra l-platt ewlieni.
Dan kollu, fuq bażi buffet, jinkludi wkoll sa 4 sigħat ta’ inbid, birra, soft drinks. juices, mixers u ilma free flowing kif ukoll il-kafè fl-aħħar.
L-ikla ssir nhar it-Tnejn 12 ta’ Diċembru, lejlet festa pubblika, u għal darb’oħra l-għażla waqgħet fuq The Victoria Hotel f’Tas-Sliema, wara li kull min attenda s-sena li għaddiet kellu kliem ta’ tifħir għall-organizzazzjoni u l-kwalità tal-ikel provdut.
Il-booking hu miftuħ u jkun validu biss malli jsir il-ħlas sħiħ minħabba l-ammont limitat ta’ postijiet.
Sponsors ghall-ikla tal-Milied
L-ikla ma setgħetx tkun possibbli li kieku mhux għall-għajnuna ta’ diversi sponsors, fosthom The Victoria Hotel, Dical House, Tal-Kaptan Restaurant kif ukoll Ela’s Scissor Hands.
Matul l-ikla se jittellgħu diversi rigali, fosthom żewġ hampers prestiġġjużi grazzi għal Dical House tal-Mosta.
Jekk hawn min jixtieq joffri prodotti tiegħu, u jieħu lura riklamar fuq il-pjattaformi tal-klabb li jilħqu eluf ta’ Juventini u Maltin, jista’ jagħmel kuntatt magħna fuq admin@juventusmalta.com






