Fi 11-il xahar mindu ħareġ l-ewwel artiklu fuq juventusmalta.com, jiġifieri fit-18 ta’ Frar li għadda, l-artikli fuq is-sit inqraw iktar minn nofs miljun darba (537,900).
F’dawn ix-xhur, fejn bla dubju l-iktar żmien popolari kien dak tas-sajf waqt li s-suq tat-trasferimenti kien miftuħ, inkitbu eżattament 2,000 artiklu minn numru ta’ kontributuri differenti.
L-istatistika turi wkoll li l-artikli nqraw minn 98,700 persuna differenti. Interessanti wkoll li l-udjenza, għalkemm fil-maġġoranza assoluta hi Maltija, tinkludi wkoll nies minn għexieren ta’ pajjiżi differenti.
L-ikbar numru ta’ barranin li aċċessaw is-sit daħlu biex jivvutaw fil-polls tal-aqwa plejer tal-logħba, li ssir wara kull logħba ta’ Juventus.
Għall-2017 il-Kumitat iwiegħed li se jkompli jwassal l-aħħar aħbarijiet relatati ma’ Juventus b’mod regolari.
Infakkru wkoll lil kumpaniji jew individwi li joffru xi servizz, li hu possibbli li jirriklamaw fuq is-sit u b’hekk jolqtu din l-udjenza hekk kbira. Jekk interessat, tista’ tibgħat email fuq admin@juventusmalta.com.






