‘Juve, storia di un grande amore.’ Fina l-partitarji żgur li hemm qiegħda din l-imħabba, forsi xi ftit inqas fil-plejers. Iżda bħal-lum sitax-il sena bdiet storja ta’ mħabba bejn Juventus u ċertu Gianluigi Buffon. Storja li għadha ħajja sal-lum, u tidher iddestinata biex tkompli.

Kien fit-3 ta’ Lulju 2001 meta Juventus xtraw lil Gianluigi Buffon mingħand Parma. Il-prezz ta’ €52 mijlun kien rekord għall-klabb, rekord li nkiser biss is-sena l-oħra bix-xiri ta’ Gonzalo Higuain.

Buffon kien inxtara biex jieħu post Edwin van Der Sar li kien għadu kif inbiegħ lil Fulham. F’Buffon kien hemm ukoll l-interess ta’ Roma u Barcelona iżda missieru kkonvinċieh biex jagħżel lil Juventus. U dik kienet l-għażla li tat bidu għal storja mill-isbaħ.

Fis-sittax-il sena li ilu mall-klabb minn Turin, Buffon rebaħ għaxar Scudetti tas-Serie A, is-Serie B darba, tliet darbiet il-Coppa Italia u ħames darbiet is-Supercoppa Italiana. Mat-tim nazzjonali Taljan rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2006, filwaqt li wasal sal-finali tal-EURO 2012 u spiċċa t-tielet fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet fl-2013.

Tazza waħda biss jonqsu biex ikun rebaħ kollox, il-UEFA Champions League. Kważi għamel dan għal tliet darbiet fil-karriera tiegħu, iżda issa fadallu l-aħħar ċans biex jgħolli t-tazza ta’ widnejha kbar. L-aħħar ċans biex itemm karriera stupenda mat-tim li rabat ma’ qalbu bl-aqwa mod possibbli.

Iżda kif iddeskrivew ċertu stilel tal-futbol, Buffon m’għandux bżonn iċ-Champions League biex isir leġġenda. Diġà hu. Għal ħafna huwa l-aqwa numru wieħed ta’ dejjem. Numri mostrużi u liista ta’ rekords ma tispiċċa qatt jitkellmu għalih. Fosthom:

L-aqwa goalkeeper tas-sena 2002/03
L-aqwa goalkeeper Ewropew fl-2003 u l-2016
It-tieni għall-Ballon d’Or 2016
L-aqwa goalkeeper tas-Serie A għall-ħdax-il darba
IFFHS l-aqwa goalkeeper tas-seklu 21
Fil-UEFA Champions League Team of the Season għal darbtejn
It-tieni l-iktar plejer li libes il-flokk Juventin

Iżda minkejja dawn in-numri kollha, l-iktar ġest li naqqxu bħala leġġenda u idolu ta’ kull partitarju Juventin huwa meta kompla ma’ Juventus fis-Serie B minkejja offerti minn klabbs kbar. Kien hemmhekk li daħal fil-qalb ta’ kulħadd, u bil-ġesti sportivi tiegħu fil-grawnd igawdi mir-rispett ta’ kull partitarju tal-futbol.

Gigi Buffon u Juventus, storja ta’ mħabba li bdiet sittax-il sena ilu. Waslet lejn l-epilogu? Fil-grawnd probabbli. Nittamaw biss li s-sena d-dieħla ngħidu li se tiwal b’sena oħra u li l-captain ta’ Juventus għaqqad il-kollezzjoni kollha ta’ trofej.

Sorsi: Tuttosport/Wikipedia

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280