Riċentament, il-mertu tar-rebħ qiegħed jiġi intitolat għal plejers oħra, iżda dak huwa parti mil-logħba tal-futbol. Dan kollu jagħmel parti minn ċikli li jiffurmaw id-dinja ta’ dan l-sport. Luca Clemenza iżda, huwa wieħed mill-iżjed pedini importanti fit-tim ta’ Fabio Grosso. Madankollu, l-eks champion tad-dinja, biddel il-pożizzjoni ta’ dan il-plejer fejn minn trekwartista, issa qiegħed jistudja l-pożizzjoni ta’ reġista, il-pożizzjoni ta’ Andrea Pirlo. Ovvjament, bin-numru 10 ma’ dahru, għaliex ċertu affarijiet ma jinbidlux.
L-esperiment ta’ Fabio Grosso kien ilu fl-arja u sar fatt konkret fid-derby mirbuħ kontra t-tim ta’ Torino. Kienet mossa kuraġġuża, fejn turi wkoll il-kapaċitajiet ta’ Fabio Grosso bħala kowċ. Bidla li ftit li xejn influwenzat lin-numru 10 tal-Primavera. Saqajn eleganti, talent raffinat u viżjoni tal-logħob eċċezzjonali huma kollha ingredjenti li Clemenza mhuwiex nieqes minnhom. Iżda biex iħalli marka fil-pożizzjoni l-ġdida tieghu, huwa neċessarju li jkun hemm movimenti iżjed difensivi u dixxiplina tattika iżjed stretta.
Clemenza bbrilla fil-pożizzjoni tiegħu biex b’hekk żamm postu bħala difensur quddiem il-linja difensiva. Ovvjament, hemm xi affarijiet li għandhom jiġu żviluppati, speċjalment fil-lat difensiv. Issa Clemenza għandu juri li huwa lest għall-qabża mat-tim tal-kbar. Il-kaxxa l-kbira tal-avversarji hija tentazzjoni kbira, iżda li jirreżisti għaliha hija kruċjali sabiex jagħmel il-qabża ta’ kwalità.
Hawnhekk naslu għal punt kruċjali: l-żvilupp. L-irwol il-ġdid iġorr miegħu responsabbiltajiet differenti, kemm psikoloġiċi u anke tattiċi. Kollox f’idejn Luca Clemenza. L-iżjed li nistgħu nagħmlu aħna huwa li nistaqsu jekk il-Juventus humiex jikkreaw reġista f’darhom stess. Iż-żmien biss jista’ jagħtina risposta.