“LADRI! ĦALLELIN! MAFJA!”: Dawk kienu jkunu l-kliem l-iżjed użati fil-headlines tal-gazzetti, midja soċjali, vidjows, artikli, fil-barijiet, u bażikament kullimkien kieku li ġara l-Ġimgħa u l-Ħadd ġara bil-maqlub. X’jiġifieri bil-maqlub? Jiġifieri kieku l-logħob kienu Roma/Inter/Milan/Pescara/Ħal Farruġ kontra Atalanta u Juventus kontra Lazio.

Iżjed milli l-logħob, iżjed l-episodji partikulari li seħħew fil-logħob.

Atalanta – Juventus, 1-1, fit-58 minuta, kross mix-xellug għal ġol-kaxxa, spike bħal ta’ Mila e Shiro min-naħa ta’ Toloi ġol-kaxxa, iżda r-referee jsaffar offside fuq Mandžukić , li kieku stess lanqas kien. Id-89 minuta, Juventus 2-1 minn fuq wara gowl ta’ Dani Alves u logħba għat-telgħa, kif stennejt jien. Freuler jixxuttja wara taħwida difensiva, Buffon jagħmel miraklu, il-ballun jerġa’ jersaq lejn Freuler, l-istess Żvizzeru jikkontrolla b’idu, u jixħet fil-lasta. 2-2. Ta’ min isemmi li fuq il-gowl tal-1-0 t’Atalanta Khedira ġie mbuttat u ma setax jintervjeni, imma dik erħilha. Affarijiet normali tal-futbol.

Il-Ħadd, Roma – Lazio. Lazio 1-0 minn fuq. Minuta qabel spiċċat l-ewwel taqsima Strootman ħassu ħażin fil-kaxxa, sparalu xi sniper tal-SAS, jew tah gambetta l-anġlu kustodju ta’ xi plejer ta’ Lazio. Penalty u 1-1. Fiċ-ċelebrazzjoni, mossa vulgari ta’ De Rossi. Lanqas safra. Lazio xorta jirbħu l-logħba 3-1.

Immaġinaw ġara bil-maqlub … imkien ma qrajt ‘Juve derubata’, jew ‘Roma ladra’, jew ‘Campionato falsato’. Taħsbux li għandu jkun hekk, anzi, kull żball mir-referees iseħħ għax appuntu żball. M’hemmx malafede, konspirazzjonijiet, jew poteri kbar imexxu l-lig. Kieku Juventus ingħataw dak li kien ħaqqhom kienu probabbilment jirbħu u jiġu 11-il punt minn fuq, b’hekk punt fl-aħħar 4 logħbiet ikun biżżejjed. Dan ifisser iżjed kalma kontra Monaco u iżjed ċans biex Allegri jipprova ż-żgħar. Min-naħa t-tajba, dan id-draw wera lil Juventus li ħadd mhu imbattibbli u ma jfisser xejn tirbaħ kontra Barcelona mbagħad tieqaf hemm, qisek irbaħt xi titlu intergalattiku.

Il-qies li jitkejlu bih l-affarijiet mhux l-istess. Penalty favur Juventus, ta’ De Sciglio, li skont is-sottoskritt seta’ ma ngħatax, għadna nisimgħu bih sal-lum. Simulazzjoni pastażata ta’ Strootman diġà għaddiet u ntesiet. Tant irreċta ħażin li lanqas fl-agħar film Każakk ma jtuh parti. Krasić  kien weħel 3 logħbiet għal xi ħaġa hekk. Toloi diġà ntesa. Jew jekk issemmiha, “U iva! Mhux diġà ħadtu l-lig daqskemm tisirqu!” Sadattant Auriemma għadu jgħajjat bi skandlu u komplotti wara li Paolo Cannavaro, ta’ Sassuolo, tajjar il-ballun b’rasu. Imma skontu tajru b’idu, avolja wrewh ir-replay. Allura n-Naplitani jgħidu hekk.

Ma ninsewx li t-tim li suppost jisraq il-logħob huwa fost l-inqas li ngħata penalties dis-sena u fuq dal-aħħar snin. Dis-sena Roma kellhom tlettax favurihom.

Gidba jekk tirrepetiha mitt darba sseħħ verità. Il-verità jekk tingħad mitt darba kultant tintesa.

Issa moħħna f’Monaco u Mbappé.

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280