Is-sajf li għadda, malli tħabbar li Juventus xtraw lil Mario Mandžukić għal €20 miljun, ħafna nies ħakkew rashom. “Jiswiehom?” “Qatt m’għamel xejn kbir.” “Aħjar żammejna lil Llorente.” “Simeone għal xi ħaġa neħħieh.” “Upgrade ta’ Llorente dan.”

Mhux ħa ngħaddi ġudizzju issa kienx akkwist tajjeb jew le. Kull tip ta’ ġudizzju jrid iseħħ f’Ġunju. Baqa’ ħafna minuti, baqa’ ħafna logħob u baqa’ ħafna affarijiet li jistgħu jsiru. Personalment, jekk kontra l-Bayern jiskurja l-gowl li bih ngħaddu jkun ġab lura ħafna minn prezzu. Però nista’ nikkummenta fuq kif qed jilgħab s’issa.

S’issa l-istatistika tgħid li f’26 partita skurja 9 darbiet u ta 5 assists. Gowl kull 204 minuti. Tara l-istatistika hekk wieħed jibda jqarras naqra wiċċu. 9 gowls biss? Biss?

Ma ninsewx li dan huwa l-ewwel staġun tiegħu mal-Juventus u fil-lig Taljan. Zidane ma kien għamel xejn fl-ewwel sena. Henry ma qabadx. Gomez, wieħed riċenti iżjed, ma qabadx lanqas. Barra minn hekk l-istatistika tqarraq bik għax tħalli ħafna affarijiet barra.

Nibda biex ngħid li dawk in-numri mhux ħżiena għal xi ħadd għadu jibda. Però ma ninsewx li jħallu barra x-xogħol agonistiku u tattiku. Imma statistika bħal dik  li jagħmel plejer bħal Mandžukić. Xtaqt insib statistika ta’ kemm jiġri kull logħba imma ma sibtx. Però sibt din il-heatmap ta’ juventibus.com, wara l-logħba kontra Sassuolo.

Heat Map Juventus Sassuolo

Attakkant terraq 95% tal-grawnd. Ħa nerġa’ nirrepetiha. Attakkant terraq 95% tal-grawnd. Mhux hekk biss, fit-80 minuta ġera 70 metru ‘l isfel qisu l-indannat biex jevita li l-ballun joħroġ barra.

Kontra Atalanta l-ġimgħa l-oħra, wara korner qabduhom kontrattakk. Id-difensuri qegħdin fuq jattakkaw bħas-soltu. Kross fin-nofs perikoluż mingħand plejer t’Atalanta, l-attakkant waħdu iżda għal xi raġuni l-ballun mar barra għal korner. Min kien dak bir-ras? Barzagli? Le, Mario Mandžukić.

Mario Mandzukic

Mhux biss jiddefendi u influwenti fil-fażi ta’ bla ballun, iżda anke fuq l-attakk. Jippressa għoli ħafna lill-gowlers u lid-difensuri. Il-fatt li hu b’saħħtu u jilgħab fin-nofs b’Dybala satellita madwaru jgħin ħafna. Jiġbed żewġ difensuri fuqu u joħloq l-ispazju għal Dybala. U Dybala jaf x’għandu jagħmel. F’mumenti ta’ sofferenza kapaċi jżomm il-ballun ukoll sakemm jitilgħu sħabu jgħinuh. F’korners dejjem perikoluż u jiġbed difensur jew tnejn. B’ċertu entraturi ‘kattivi’ jżomm lid-difensuri fuq ix-xwiek u jfakkarhom li ma’ kull nofs żball hu qiegħed hemm, jigdmilhom saqajhom qisu kelb imġewwaħ. Ma ninsewx li mhux fjakk teknikament lanqas. Ma’ Sassuolo ta assist delizzjuż lil Dybala.

La ħafna jiġġudikaw fuq l-istatistika xotta, kif inħobb insejħilha jien, ħa nagħlaq b’analiżi qasira tagħha. Fil-kampjonat skurja 6 gowls kontra 5 timijiet differenti. Kontra Atalanta, Empoli, Palermo u Fiorentina għalaq il-logħba. Il colpo di grazia. Kontra Carpi għamel doppjetta li swiet mitqlu deheb. Fl-istess partita li Allegri għamel striptease. Mhux ħa ngħid 15-il punt bis-saħħa tiegħu għax il-futbol huwa sport kollettiv, imma kien importanti ħafna. Fis-Supercoppa skurja wkoll, ma ninsewx. Fiċ-Champions League skurja tnejn. It-tnejn kontra City f’logħob differenti. F’dal-każ iva, rebbaħna 4 punti. Li kieku lanqas biss qegħdin inqattgħu xagħarna x’ħa jiġri kontra Bayern.

Issa kieku nhar l-Erbgħa jitfa’ mqar wieħed ġewwa biex iżomm mat-tradizzjoni ta’ gowls importanti…