Meta sħabi tal-Kumitat infurmawni li ġejt innominat sabiex nibda nkopri rwol kompletament ġdid fi ħdan il-Kumitat ħassejtni onorat, iżda fl-istess ħin kont konxju li minn dak il-ħin ‘il hemm ir-responsabbiltà kienet ser tiżdied għalija.

Wara sitt snin bħala membru ta’ dan il-Kumitat, fejn koprejt diversi rwoli, fosthom Assistent Segretarju u anke Viċi President, nista’ ngħid li llum dan il-klabb sar it-tieni dar tiegħi, dar fejn magħkom il-membri naqsmu l-istess passatemp, l-istess sodisfazzjonijiet u anke diżappunti.

Meta bdejna din l-avventura sitt snin ilu, il-ħsieb kien li niftħu klabb sabiex nkunu ta’ għażla oħra għall-Juventini Maltin, iżda l-membri bdew u baqgħu ġejjin. Grazzi għal dan, illum għanda biex niftaħru li klabb żagħżugħ bħal tagħna ġie ddikjarat għal sentejn wara xulxin bħala l-ikbar klabb Juventin barrani fid-dinja. Dan seta’ jsir mhux biss grazzi għall-ħidma ta’ sħabi tal-Kumitat, iżda anke grazzi għalikom il-membri li kull sena wrejtu l-fiduċja fis-servizzi tagħna.

Minn issa ‘l quddiem, bħala Kap Eżekuttiv, filwaqt li bħall-passat ser inkompli nagħti l-għajnuna tiegħi lil sħabi tal-Kumitat f’kull sezzjoni, flimkien mal-istess sħabi rrid niffoka aktar fuq strateġija u ppjanar sabiex dan il-klabb jilħaq l-ambizzjonijiet meħtieġa, kemm mil-lat ta’ immaġini u kif ukoll minn dak finanzjarju. Bħala klabb irridu naħsbu fil-futur.

Il-bdil fl-istrateġija ta’ dan il-klabb infatti ilu ftit li beda, meta proprju f’Jannar li għadda l-Kumitat ippropona li t-tesserament mal-klabb isir validu għal tnax-il xahar u mhux aktar sa tmiem l-istaġun. Iżda mhux biss, hekk kif daħħalna wkoll bidla biex b’mod awtomatiku, meta persuna tissieħeb bħala membru mal-klabb, tkun eliġibbli għal diversi skontijiet minn kumpaniji Maltin li tawna appoġġ f’din l-inizjattiva. Bi pjaċir ngħid li din l-inizjattiva sa issa laħqet il-mira tagħna bħala Kumitat.

Sabiex il-klabb jiżgura wkoll li jibqa’ dejjem joffri l-aqwa servizz għall-membri tiegħu, riċentament ħabbarna ftehim bejn il-JCMCB u Britannia Tours Ltd, fejn għall-ewwel darba bħala klabb lokali, kumpanija rinomata fis-settur tat-turiżmu ser tkun qed torganizza diversi tours f’isem il-klabb matul dan l-istaġun.

Grazzi għal dan il-ftehim ukoll, intom il-membri, li forsi toqogħdu ‘l bogħod mill-Marsa, jew li għalikom it-trasport hu problema, minn issa tistgħu wkoll tmorru tirriżervaw t-tour li tixtiequ direttemant fl-uffiċċji ta’ Britannia, imqassmin ma’ Malta u Għawdex kollu.

Ovvjament mhux ser niefqu hawnekk, u fil-futur ser jibqgħu jiġu studjati diversi opportunitajiet għalikom il-membri u anke għall-klabb innifsu sabiex dejjem ntejbu is-servizz, bil-ħsieb li l-klabb isir disponibbli sebat ijiem fil-ġimgħa.

Sadanittant, inħeġġeg lil kulħadd sabiex jibqa’ jsewgi l-avviżi li noħorgu kultant żmien permezz ta’ Facebook, email u anke mis-sit uffiċjali tagħna juventusmalta.com, biex b’hekk tibqgħu dejjem infurmati bl-aħħar żviluppi.

Inħeġġeġ ukoll lill-Juventini kollha sabiex jissieħbu magħna ħalli jkunu parti huma wkoll minn din il-familja sabiħa tagħna.

Jien, flimkien mal-President, il-Viċi President, is-Segretarju u l-kumplament tal-Kumitat, nixtiqulkom staġun mil-isbaħ mimli emozzjonijiet u suċċessi.

Fino alla fine, forza Juventus!