Il-kowċ Taljan Fabio Nicolè, iben il-leġġenda ta’ Juventus u t-tim nazzjonali Taljan Bruno Nicolè ppreżenta f’pajjiżna l-ktieb li kiteb hu stess dwar il-karriera ta’ missieru.
Waqt preżentazzjoni fil-Juventus Club Malta Cuore Bianconero, li tiegħu Fabio kien il-mistieden, Nicolè ġie intervistat minn Charles Camenzuli fejn tkellem dwar is-snin glorjużi ta’ missieru fl-istess skwadra ma’ Omar Sivori, Giampiero Boniperti u John Charles.
Minkejja leġġendi bħal dawn, Bruno xorta waħda rnexxielu jiskurja medja ta’ gowl kull logħba. Għadu wkoll l-iżgħar plejer li skurja doppjetta mal-Italja u wkoll l-iżgħar captain tan-nazzjonal.
Ibnu Fabio ddeskriva l-futbol fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet bħala xena differenti minn tal-lum fejn setgħu jarawh biss min kellu fortuna li jmur il-grawnd jew inkella f’xi bar. Jirrakkonta kif il-plejers f’dak iż-żmien kienu meqjusa bħala eroj.
Iddeskriva t-trasferiment ta’ Bruno lil hinn minn Juventus bħala t-tmiem tal-futbol u l-imħabba tiegħu għall-isport. Kien trasferiment li ddiżappuntah ħafna minkejja li ma’ Roma rebaħ ukoll Coppa Italia.
Bruno Nicolè ddebutta ta’ 16-il sena imma irtira ta’ età żgħira, ta’ 27 sena, anke għaliex kien wasal biex jitwieled proprju Fabio u ried ikun parti mit-trobbija tiegħu.