Dawk kollha li s-Sibt li ġej se jattendu l-klabb biex isegwu l-logħba bejn Juventus u Lazio se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu u jieħdu ritratti ma’ eks plejer ta’ Juventus.
Dan hekk kif, wara diskussjonijiet mill-Kumitat, nistgħu nikkonfermaw li fost dawk li jattendu se jkun hemm preżenti l-attakkant Michele Paolucci, li attwalment jilgħab f’pajjiżna ma’ Tarxien Rainbows F.C.
Paolucci, li llum għandu 32 sena u fil-passat lagħab għall-Italja mill-U17 sal-U21, hu prodott ta’ Juventus u fil-Primavera lagħab biswit plejers bħal Domenico Criscito, Claudio Marchisio, Paolo De Ceglie, Sebastian Giovinco u Davide Lanzafame.
Wara r-rebħ tal-Kampjonat tal-Primavera 2005/06, fejn Paolucci kien protagonist, hu ħalla lil Juventus b’self għand Ascoli qabel iffirma għalkollox ma’ Udinese. Kien hawn li, immedjatament, Juventus ħaduh lura bi sħab ma’ Siena.
Ftehim li kien wassal biex fl-2010 Siena bagħtuh b’self għat-tieni esperjenza tiegħu ma’ Juventus fejn finalment kellu ċ-ċans jiddebutta mal-iskwadra ewlenija anke minħabba li l-iskwadra Juventina kienet mifnija bl-injuries.
Il-Kumitat tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero jixtieq jirringrazzja lil Edward Calleja, Viċi President ta’ Tarxien Rainbows F.C. u membru tal-klabb, għad-disponibbiltà tiegħu.