Wara li Nael Aquilina nħatar membru onorarju tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero, u ngħata wkoll numru ta’ rigali, issa t-tfajjel Malti li rebaħ l-internet se jaqta’ xewqtu.

Dan hekk kif il-klabb ħa nota tax-xewqa ta’ Nael li jmur jara lil Juventus u, grazzi għall-għajnuna ta’ sponsor tal-klabb, qed joffrilu vjaġġ għal Turin inkluż biljett fil-Boniperti kif ukoll akkomodazzjoni f’lukanda.

Nael u l-familja tiegħu mill-ġdid se jattendu l-klabb biex jirċievu dan ir-rigal nhar l-Erbgħa li ġej.

Grazzi għall-familja tiegħu, kien s-sit JuventusMalta.com li ppubblika l-filmat tat-tifel jirċievi flokk ta’ Inter minflok ta’ Juventus li tant iħobb. Minn hawn il-filmat dar id-dinja u rawh miljuni ta’ persuni, waqt li l-klabb irreġistra udjenza rekord u ħa promozzjoni anke fuq l-istazzjonijiet lokali b’servizzi tal-aħbarijiet fuq TVM, Net News u One News.

Kien għalhekk li l-Kumitat ħass li kellu d-dover li kemm jista’ jkun jippremja lil Nael tal-ġenwinità, sinċerità u mħabba tiegħu lejn Juventus.

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com