Kieku konna għadna qegħdin niktbu s-sena l-oħra, ħadd minna, apparti xi tnejn akkaniti tal-famuża Football Manager, ma kien jiġih f’moħħu xi plejer hu Kante. Dis-sena kulħadd kważi jaf min hu Kante, li għal ħafna dilettanti tal-Filosofija jfakkarna fil-famuż Immanuel Kant. Lil N’golo nistgħu nqisuh bħala l-filosfu f’nofs il-grawnd tat-tim ta’ Leicester. Min ilu jsegwi ħafna l-futbol, lil Kante jqabblu ħafna ma’ Lassana Diarra, eks-Real Madrid.

Kelli l-opportunità narah jilgħab fis-Selhurst Park kontra Crystal Palace. Il-plejer Franċiż ta’ 25 sena, frisk mill-ewwel gowl tiegħu man-nazzjonal, wera li huwa mostru f’nofs il-grawnd. Però wieħed jistaqsi, dan Kante kif minn bniedem ma jafu ħadd sar wieħed mill-iktar plejers li jriduh timijiet, fosthom Real Madrid u Juventus?

Kante beda l-karriera tiegħu ma’ Boulogne fi Franza fejn imbagħad ingħaqad ma’ Caen. Madankollu, is-Sajf li għadda ġibed l-attenzjoni tat-tim sorpriża tal-2015/2016 ġewwa l-Ingilterra. Huwa ngħaqad ma’ Leicester għas-somma ta’ 9 miljun ewro u mal-ewwel wera li kien jiswa ferm iktar! Huwa spiċċa pedina importanti għal Ranieri, fejn Kante kien konsistenti tul l-istaġun sa issa. Is-saħħa tiegħu tgħinu jkun wieħed mill-aqwa bħalissa fejn jidħlu tackles u jinterċetta ħafna blalen f’nofs il-grawnd. Il-figura tiegħu tgħinu wkoll ikun kapaċi sabiex jiddribilja faċilment l-avversarju. Kante huwa plejer veloċi u mhux l-ewwel darba li żmarka ruħu sabiex jitfa’ xi ballun lil Vardy, li wkoll kien plejer li għamel differenza fit-tim ta’ Leicester.

Issa li riesaq is-suq tat-trasferimenti; il-prezz li qed jiġi mitlub għalih huwa baxx ikkomparat ma’ plejers oħra li qed jissemmew; u d-diriġenti ta’ Juventus qed jaraw li se jkollhom bżonn midfielder ieħor, taħsbu li Kante jkun plejer li jkun ta’ kalibru fl-Italja wkoll?