Juventus komplew fil-miġja tagħhom lejn id-disa’ suċċess fit-turnew ta’ Viareggio hekk kif għelbu lit-tim tal-Milan bl-iskor ta’ 4-0.

It-tim ta’ Juventus beda din il-partita fuq l-offensiva, bil-plejers Vadalà, Pozzebon u Bove jkunu fost l-iżjed perikolużi. Kien propju l-Arġentin illi ħa l-inizjattiva fejn wara ftit minuti huwa pprova xutt lejn il-lasti ta’ Milan, li iżda għadda ftit għoli. Ftit wara, Milan kienu se jiskurjaw kontra x-xejra tal-logħba wara indeċiżjoni ta’ Pol Lirola, b’Casiraghi tal-Milan ma japprofittax. Fil-21 minuta Pozzebon fetaħ l-iskor hekk kif wara azzjoni tajba bejn Vadalà u Pol Lirola, dan tal-aħħar xeħet kross għan-nofs, bl-iskorer prolifiku Taljan jitfa’ fix-xibka għal 1-0. Jgħaddu 10 minuti, u Bove jagħmilhom 2-0 fejn xeħet fix-xibka wara azzjoni identika għal dik li wasslet għall-ewwel gowl, bl-ewwel 45 minuta jispiċċaw b’Juventus b’żewġ gowls vantaġġ.

Milan bdew it-tieni taqsima bi spirtu aggressiv hekk kif kienu qegħdin ifittxu l-ewwel gowl sabiex inaqqsu d-distakk u, wara ftit minuti, xutt ta’ Cutrone għal ftit ma wassalx għall-ewwel gowl iżda l-ballun għadda ftit metri ’l fuq mil-lasta. Ftit tal-minuti wara, Cutrone reġa’ kien perikoluż hekk kif laħlaħ il-ballun mill-ewwel b’Del Favero però, ikun attent sabiex jipproteġi l-lasti. Hekk kif il-logħba kienet qiegħda tikkwieta, Angelo Di Massimo għalaq prattikament il-partita bit-tielet gowl ta’ Juventus, fejn approfitta minn inċertezza fid-difiża ta’ Milan. Azzjoni sabiħa ta’ Cassata, b’dan tal-aħħar iqassam lil Morselli, li mill-viċin kellu l-eħfef xogħol fid-dinja jitfa’ l-ballun fix-xibka, biex issiġilla rebħa kbira ta’ 4-0 għal Juventus fuq Milan.

Ta’ min isemmi li, f’nofs it-tieni taqsima, il-plejer promettenti Luca Clemenza kellu jħalli l-grawnd bl-għajnuna tal-infermieri hekk kif sofra injury f’irkupptejh illi mad-daqqa t’għajn tidher gravi. Madanakollu, il-klabb ta’ Juventus għadu jrid joħroġ stqarrija uffiċjali rigward din is-sitwazzjoni. Nawguraw lil dan it-talent sabiex jirkupra malajr kemm jista’ jkun.

Fil-kwarti tal-finali Juventus jaffrontaw lil Bologna, li għelbu lil Sassuolo wara l-għoti tal-penaltis.