Wara t-trasferiment fuq bażi ta’ self tal-Brażiljan Gabriel Appelt Pires, minn Juventus għall-klabb Spanjol ta’ CD Leganes, l-istess tim Spanjol qiegħed jikkunsidra li jkompli jinnegozja mal-klabb Taljan għall-ingaġġ ta’ iżjed żagħżagħ mill-akkademja Juventina.

Dan ikun proġett importanti għal klabb li jinsab fl-ewwel post fis-Segunda Division, ekwivalenti għas-Serie B Taljana, li bis-saħħa t’hekk ikompli jutilizza plejers żagħżagħ u ta’ kwalità.

Dan kollu jista’ jkun possibbli grazzi għall-ħidma tad-Direttur Sportiv fil-qasam tal-akkademja, Federico Cherubin, li huwa inseparabbli minn ma’ Fabio Paratici u li flimkien joħolqu koppja infallibli fejn jidħlu trasferimenti ta’ talenti żgħar.

Fil-ġranet li għaddew, Cherubin iltaqa’ ma’ Martin Ortega, li huwa rappreżentat tal-klabb tal-Leganes u eks-plejer tagħhom, sabiex jitkellmu rigward il-prestazzjonijiet ta’ Appelt Pires u fl-istess ħin jiddiskutu possibiltajiet ta’ iżjed trattattivi għall-futur.

Tant hu hekk li flimkien ħolqu lista ta’ plejers li kapaċi jingħaqdu mal-klabb Spanjol fl-istaġun li jmiss. Din tkun l-ewwel darba li l-klabb ta’ Juventus jkun qiegħed f’ġemellaġġ ma’ klabb Spanjol.