Marlon Hili, wieħed mill-pijunieri tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero li sa mit-twaqqif tal-klabb serva f’diversi rwoli fil-Kumitat, intagħżel bħala l-President tal-klabb.

Riċentament Marlon Hili kien qed jokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-klabb, filwaqt li fost oħrajn serva wkoll bħala Viċi President.

Fl-ewwel messaġġ tiegħu waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali, il-President ġdid tal-klabb saħaq li l-għan tiegħu hu li jagħti stabbiltà lill-Kumitat waqt li tiżdied l-importanza li l-klabb ikun dejjem eqreb tal-membri.

Fost oħrajn, Marlon Hili elenka li fis-sajf il-Kumitat se jidħol għal diversi proġetti ta’ ristrutturar li ħafna minnhom inħolqu wara suġġerimenti tal-membri stess kif ukoll analiżi tal-aħħar xhur.

Fid-diskors tiegħu hu rringrazzja wkoll lil Gordon Pace, li għall-aħħar xhur serva fil-kariga ta’ President qabel kellu jirriżenja għal raġunijiet personali, lill-membri tal-Kumitat attwali għall-ħidma tagħhom kif ukoll lill-membri li huma l-qofol tal-ħidma tal-klabb.

Matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali, l-eks Presidenti Omar Busuttil u Jean Borg kif ukoll James Mizzi ġew appuntati bħala Presidenti Onorarji biex issa jingħaqdu mal-ewwel President tal-klabb Dr. Joseph F. Borg kif ukoll George Camilleri.