Wara li ra r-reazzjoni ġustifikata tagħkom il-membri rigward il-prezzijiet elevati tal-ikla ta’ Alessandro Del Piero, li bħalma tafu ser ssir nhar it-3 ta’ Ġunju 2019, il-Kumitat ħa l-inizjattiva sabiex jitkellem mal-organizzaturi u ssuġġerixxa sabiex il-biljett li llum jiswa €240 jorħos almenu għal dak €160.

Minkejja li nifhmu li xorta dan mhux prezz irħis, pero nemmnu li almenu hu iktar raġjonevoli. Dan meta tikkunsidra li din hi ikla fuq bażi Full Buffet f’lukanda lussuża, bix-xorb inkluż u li fiha ser jkun hemm il-preżenza ta’ leġġenda.

Bi pjaċir ninfurmaw lill-membri u dawk kollha interessati li l-organizzaturi kkunsidraw dan il-prezz u tawna risposta pożittiva.

Madankollu ninnutaw ukoll li ġejna nfurmati li l-prezz tal-biljett li llum jiswa €300 ma jistax jiġi emendat minħabba struzzjonijiet diretti mil-avukati ta’ Alessandro Del Piero.

Għal darb’oħra nfakkru li l-ebda membru tal-Kumitat, jew il-klabb innifsu, mhu involut fl-organizzazzjoni tal-attività. L-involviment bħala klabb f’din l-attività hu biss ta’ bejgħ ta’ biljetti u li l-klabb qed idaħħal biss kummissjoni żgħira li qed titnaqqas mill-qliegħ tal-organizzaturi u mhux tiżdied fl-ispiża tal-biljett. Apparti il-klabb tagħna hemm ukoll xi klabbs min Għawdex li qegħdin jagħmlu l-istess ħaġa.

Fid-dawl ta’ dan nuru apprezzament li l-organizzaturi semgħu l-proposti tagħna u kkunsidrawhom.

Marlon Hili
President
Juventus Club Malta Cuore Bianconero