Il-Juventus Club Malta Cuore Bianconero jħabbar li nhar is-Sibt li ġej se jospita lil Heiko Bleher fil-klabb, fejn se jagħmel taħdita dwar il-ħidma tiegħu matul is-snin.

Bleher hu riċerkatur, kittieb, esploratur, fotografu, direttur tal-films, awtur u editur li ilu snin twal jaħdem b’mod speċjali fil-qasam tal-abitati relatati mal-ilma madwar id-dinja. Matul is-snin hu skopra diversi speċi ta’ ħut li llum-il ġurnata jiddominaw l-akkwarji madwar id-dinja.

Il-Ġermaniż, li għandu 73 sena, hu magħruf madwar id-dinja hekk kif fl-1987 waqqaf Guinness Record għas-sejba tal-ikbar ħuta tat-tip Sawfish fl-Awstralja Ċentrali, ingħata t-titlu ta’ Chevalier des Grand Ordre Rocamadour du Diamant Noir fl-1993 u ntagħżel bħala Xjentist tas-sena mill-CAOAC fl-2010.

It-taħdita hi organizzata mill-Malta Aquarist Society u qed issir fil-klabb bi sħab mal-JCMCB Bar & Grill hekk kif is-swali tal-klabb jistgħu jinkrew għal għażla vasta ta’ attivitajiet.

Din l-attività se ssir nhar is-Sibt bejn il-17:00 u s-19:00, qabel il-logħba bejn Juventus u Parma. Il-klabb se jkun miftuħ b’mod normali għal din il-logħba, kemm għall-membri kif ukoll għal min mhux membru.

Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja lill-Malta Aquarist Society billi jagħfas hawn.