Fil-bidu tal-istaġun, l-aħbar li Arturo Vidal se jħalli lil Juventus għal Bayern München ħasdet lil ħafna.
Uħud fehmu li dan kien l-aħħar ċans biex Juventus jibnu ċiklu ġdid, anke bi flus Vidal. Oħrajn għadhom sal-lum ma jistgħux jemmnu li plejer bħal Vidal, ġellied għall-ballun, tħalla jitlaq.
Li hu żgur hu li sal-mument li Vidal telaq, kulħadd kien għadu jirrispettah, iħobbu u jirringrazzjah ta’ dak kollu li ta lil Juventus. Sakemm …
“It-telfa fil-finali taċ-Champions League kontra Barcelona ġagħlitni naħseb fit-tluq. Kienet telfa importanti li wasslitni għal din id-deċiżjoni. Għażilt hekk għaliex ninsab ċert li mal-klabb ġdid tiegħi se jkolli l-possibiltà li nilħaq il-mira tiegħi: li nirbaħ iċ-Champions League.”
Kien ċert, qal Vidal. Ċert li se jirbaħ iċ-Champions League ma’ Bayern München. Fil-mument li lissen dawk il-kliem, Vidal tilef ir-rispett ta’ ħafna. Tiegħi żgur.
Il-verità hi li llum Vidal għamel biss pass ‘il quddiem minn dak ta’ Juventus f’dan l-istaġun. Ta’ dan għandu jirringrazzja lil Eriksson. Żbalji fatali ta’ referì. Mhux opinjoni influwenzata minn partitarju. Fatti ppruvati mill-analiżi ta’ wara ż-żewġ logħbiet. Imma minn staġun ilu, qabel lissen dawk il-kliem, Vidal għamel pass lura. Iċ-Champions League għadu mingħajrha … u min jaf ikollux iċ-ċans imissha.
Illum, bħal dejjem imma iktar minn qatt qabel, nemmen li d-deċiżjoni li Vidal jinbiegħ kienet waħda għaqlija. Kien l-aħħar ċans li kellna naqilgħu somma flus. Vidal telaq. Juventus komplew jirbħu u jibnu l-futur.
Issa Vidal daq il-mistura tiegħu stess. Kellu jibla’ lsienu. Imma r-rispett ta’ ħafna diffiċli jiksbu lura.