Għaddiet sena mindu waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali, b’vot unanimu ġejt maħtur bħala President ta’ dan il-klabb li tant hu għal qalbi u li rajtu litteralment jitwieled.

M’inix it-tip ta’ persuna li nitkellem fuqi b’mod individwali għaliex nemmen li rrilevanti kemm ikollok President jaħdem u għatxan għax-xogħol, mingħajr tim magħqud warajk, tim ħabrieki li għandu għal qalbu l-klabb u b’mod speċjali lill-membri ta’ dan il-klabb, qatt ma’ tista’ timxi ‘l quddiem. Matul din is-sena l-Kumitat evalwa diversi opportunijatiet sabiex inressqu iżjed membri lejn il-klabb, evalwajna attivitajiet, servizzi u anke xogħlijiet li jistgħu jsiru sabiex kemm jista’ jkun il-membru jibqa’ jieħu l-aqwa servizz filwaqt li nieħdu ħsieb il-finanzi tal-klabb.

Iżda x’sar matul din is-sena? Tista’ tgħid li eżatt malli ntemm l-istaġun passat, fil-klabb beda xogħol ta’ ristrutturar intern fejn inħoloq l-ewwel ħanut veru u proprja li fih jinbiegħu prodotti uffiċjali ta’ Juventus, ħanut li b’wiċċi minn quddiem ngħid li grazzi għal Paul Valletta kien proġett suċċess. Bis-saħħa ta’ dan is-suċċess, nista’ ngħid li ser nibqgħu noffru dan is-servizz anke matul l-istaġun li jmiss.

Inbena wkoll uffiċċju ġdid, ikbar u iktar spazjuż sabiex apparti l-kumdità għalina l-membri tal-Kumitat, noffru kumdità lill-membri u noffru servizz mill-aqwa fl-aħjar atmosfera possibbli.

Matul is-sajf infetaħ ukoll bieb ieħor fuq it-terrazzin enormi tal-klabb, li joffri iktar kumdità u aċċessibbiltà lejn u ‘lil hinn mill-klabb, joffri iżjed sigurtà u serħan tal-moħħ lill-membri preżenti f’każ li jinqala’ xi inċident u jkun hemm il-bżonn li jintuża l-ħruġ ta’ emerġenza. Dan minkejja li l-klabb kien jissodisfa kull rikjesta ta’ sigurtà kif konfermat waqt spezzjonijiet mid-dipartimenti tal-Gvern. B’hekk tista’ tgħid li, permezz ta’ dan il-bieb, il-klabb qiegħed imur oltre dak mitlub minnu sabiex ikun konformi mar-regolamenti lokali.

Matul din is-sena ma sarx biss xogħol ta’ ristrutturar iżda wkoll xogħol li ħafna minnu ma jidhirx. Qed nitkellem fuq tqassim ta’ finanzi, dokumentazzjoni mad-dipartiment tal-Organizzazjonijiet Volontarji u bħal kull sena s-servizz tal-biljetti. Nassigurakom li sabiex kull membru jidħol fil-grawnd isir xogħol enormi u ta’ responsabbiltà kbira li sar b’mod eċċellenti u professjonali minn Peter Paul Cassar, mgħejun minn Matthew Mamo.

Semmejt lil Matthew Mamo li għal sen’oħra tista’ tgħid kien strumentali biex is-sit tal-klabb tagħna (www.juventusmalta.com) jibqa’ attiv b’aġġornamenti regolari.

Intemm dan l-artiklu billi nsemmi attività li saret matul din is-sena u li tant hi għal qalb il-Kumitat. Qed nirreferi għaż-żjara ta’ Claudio Marchisio f’Malta. Din iż-żjara kienet waħda storika għaliex għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dan il-klabb ġibna mhux biss leġġenda Juventina iżda ġibna personalità li tista’ tgħid kien għadu kif irtira. Tant hu hekk li Marchisio ħabbar l-irtrar tiegħu ftit taż-żmien qabel ġie f’pajjiżna.

Matul din l-attività Marchisio ltaqa’ mal-membri preżenti u diversi sponsors. Nemmen li dawk kollha li attendew għal din l-attività ħarġu kuntenti. Ma ninsewx li Claudio Marchisio aċċetta wkoll li jinħatar bħala President Onorarju ta’ dan il-klabb. Taħsbu li Marchisio kien l-aħħar personalità li ġab il-klabb? Ovvjament mhux f’pożizzjoni li nagħti ħafna dettalji iżda nassigurakom li Marchisio kien biss il-bidu. Fl-istess waqt tifhmu li sabiex iġġib personalità ta’ dan il-kalibru, l-ispejjeż huma kbar u għalhekk irridu nkunu dejjem bil-għaqal biex filwaqt li nibqqħu noffru dawn it-tip ta’ laqgħat lill-membri tagħna naraw li jiġu rispettati l-finanzi ta’ dan il-klabb.

Nagħlaq billi nirringrazzja lil sħabi tal-Kumitat, lill-eks Presidenti u membri ta’ dan il-Kumitat li mingħajr il-ħidma tagħhom żgur li ma kienx ikun possibbli li nitkellmu fuq dawn is-suċċessi u nirringrazzja għal darb’oħra lill-membri u lil kull Juventin tal-fiduċja li dejjem wera lejn il-klabb tagħna. Nagħti l-kelma tiegħi f’isem sħabi: iktar ħidma għall-klabb mill-membru għall-membru.