Gowls: Kolarov (S)
Karti Sofor: Calvo, Guzman (CR), Ivanović, Prijović (S)
Plejer tal-logħba: Kolarov (S)

Ġewwa Cosmos Arena rajna logħba interessanti bejn is-Serbja u l-Costa Rica, bit-tnejn ifittxu l-ewwel tliet punti qabel iħabbtu wiċċhom mal-Brażil u l-Iżvizzera.

Kienu l-Costa Rica li bdew fuq l-offensiva hekk kif ballun mingħand Ruiz jasal għand Gonzalez li b’daqqa ta’ ras jitfa’ għoli mill-viċin.

Minuta biss wara, ix-xutt ta’ Mitrović jispiċċa bblokkjat minn Duarte. Fid-39 minuta kien Calvo tal-Costa Rica li x-xutt tiegħu jmur gholi.

Ftit minuti wara, jerġa’ Calvo li din id-darba jitfa’ l-ballun ftit barra. Fit-43 minuta, kross ta’ Milivojević, jasal għand Milinković-Savić li b’rabuxxata jsib ix-xutt milqugħ minn Navas, imma r-referee jsaffar għal offside.

Fit-tieni taqsima, is-Serbi joħorġu iktar offensivi u eżattament fil-50 minuta, Milinković-Savić iqassam lejn Mitrović, li waħdu quddiem Navas ifalli bix-xutt tiegħu jiġi salvat mill-istilla ta’ Real Madrid.

Fis-56 minuta r-referee jsaffar għal foul favur is-Serbi. Minn distanza konsiderevoli, Kolarov isib is-saqaf tax-xibka mill-free kick, b’Navas megħlub għalkollox.

Il-logħba baqgħet għaddejja b’ritmu bil-mod, bis-Serbi jiddefendu r-riżultat u l-plejers tal-Costa Rica jippruvaw isibu l-ispazju. Però fis-76 minuta Navas attent fuq Tadić b’save eċċellenti.

Fl-94 minuta diżgwid bejn Matić u Gonzalez iwassal għal naqra tensjoni bejn iż-żewġ timijiet. Fis-96 minuta Gamboa jqassam lejn Ruiz li ma jikkontrollax sew, il-ballun jiġi f’saqajn Bolanos li jsib ix-xibka imma r-referee jħassar il-gowl għal offside ċarissimu.

Skor finali; Costa Rica 0, Serbja 1

Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artiklu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq marketing@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq info@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280