Naturalment l-ebda telfa ma tinżel tajjeb mas-supporters, speċjalment jekk din tiġi kontra kull stennija u kontra r-rivali eterni, Inter, imma fil-verità hija xi ħaġa ta’ min jinkwieta fuqha jew forsi kif jgħid il-Malti “kull deni ħudu b’ġid”?

Nistħajjel li lkoll konna ddiżappuntati u xi ftit irrabjati wara t-telfa ta’ nhar il-Ħadd kontra Inter. Min forsi bħali qal, u forsi kellu raġun, li kellu jibda Higuaín u li Allegri dam ma għamel it-tibdiliet speċjalment fil-wing fejn Khedira deher li ma kienx f’postu. Min qal illi Juventus dehru bla ideat u min saħansitra li Allegri mhux kapaċi jsuq il-Ferrari li tagħtu d-diriġenza. Issa li bridna xi ftit iżda, u li forsi moħħna iktar fi stat li jirraġuna b’mod oġġettiv, hemm numru ta’ konsiderazzjonijiet li wieħed jista’ jagħmel.

Sena ilu, il-bidu kien ferm agħar u minkejja dan irbaħna d-double u tajna logħba iebsa lil Bayern Munich. It-tim għadu ma bbrillax kif nixtiquh imma kemm hu realistiku li wieħed jippretendi li nirbħu l-logħob kollu u nkunu Champions f’Marzu? Ejjew niftakru li d-dirigenza vera li għamlet investimenti kbar fl-aħħar suq tat-trasferimenti, imma dan ifisser ukoll illi nbidlu ħafna plejers, speċjalment f’nofs il-grawnd, u dan xi ftit jew wisq ifisser illi jeħtieġu li jidraw il-mekkaniżmi ġodda, speċjalment meta għandek plejer indispensabbli bħal Marchisio li għadu mhuwiex disponibbli għal-logħob.

It-telfa kontra Inter tismot imma fil-verità xejn mhu mitluf, anzi jista’ jagħti l-każ li din it-telfa tqajjem reazzjoni immedjata fil-plejers tant li jagħmlu sforz ikbar sabiex is-sistemi li fihom qegħdin jiġu mitluba jilagħbu jidrawhom iktar malajr. Ejjew ma ninsewx li bħal daż-żmien sena lkoll konna imdejqin u mħassbin wara t-tluq ta’ Vidal, Pirlo u Tevez imma nafu lkoll kif żvolġew l-affarijiet fl-aħħar tal-istaġun.

Jekk wieħed jipprova, minkejja l-kliem kollu li għadni kemm ktibt, janalizza naqra dak li ġara nhar il-Ħadd, l-ikbar difett deher li kien il-fażi difensiva fejn Asamoah, minkejja li nemmen li hu plejer tajjeb ħafna, ħarġitlu logħba ħażina. Dan tefa’ pressjoni eċċessiva fuq id-difiża, li wara li weġġa’ Benatia ma dehritx soda bħas-soltu anki minħabba l-forma xejn tajba bħalissa ta’ Chiellini. Nota pożittiva wieħed jista’ jsibha fil-gowl skurjat minn Lichtsteiner.

Għada jmiss logħba oħra kontra Cagliari. Jien ninsab konvint li se jkollna riżultat tajjeb imma anki jekk dan ma jseħħx, ma niddisprawx u nistennew. L-istaġun huwa wieħed twil u Juventus huma tim b’saħħtu u fost l-aqwa fl-Ewropa li b’daqsxejn iktar attenzjoni u forsi wkoll ftit iktar fortuna kapaċi jtina pjaċir u sodisfazzjon bħalma tana fil-ħames staġuni li għaddew…u forsi xi ħaġa iktar ukoll.

Għalhekk, kuraġġ u fiduċja! Wara kollox irridu nemmnu dak li ngħidu, ċjoè “Fino alla Fine Forza Juventus” u ż-żmien itina parir.