Wara li fl-aħħar jiem kienet għaddejja ħidma bla heda biex fil-premises ġodda tal-klabb jingħaddu s-servizzi tal-ilma u d-dawl, issa x-xogħol daħal f’fażi ġdida.

Dan hekk kif fil-post tpoġġiet it-torba u issa jibda t-tqegħid tal-madum. Dan fl-istess waqt li grupp ta’ diżinjaturi qed jieħdu ħsieb it-tħejjija u l-ideat interni dwar il-mod kif se jitqassam il-klabb.

B’hekk, malli jkun lest it-tqegħid tal-madum, il-Kumitat se jkun ippreparat biex jibda fażi oħra ta’ xogħol li għandha twassal biex il-klabb jiftaħ fil-bidu ta’ Jannar.

Il-premises, li jinsabu fil-Marsa, huma ferm ikbar minn dawk attwali u fuq kollox totalment aċċessibbli b’numru ta’ faċilitajiet kif ukoll żona kbira ta’ parkeġġ madwar il-klabb.

Se jkun hemm ukoll mużew ġdid dedikat totalment għal Juventus. Il-Kumitat qed jistieden lill-Juventini Maltin li jixtiequ jikkontribwixxu b’xi mod għal dan il-mużew, kemm b’donazzjoni jew b’self. Dawk kollha interessati li jgħaddu xi materjal li jaħsbu li jista’ jkun utli huma mitluba jibagħtu email fuq info@juventusmalta.com.

Dan il-pass ġdid se jġib spejjeż kbar lill-Kumitat li jaħdem b’mod volontarju, u fuq kollox xogħol biex fi ftit xhur il-post ikun lest biex jilqa’ lill-Juventini Maltin.

L-appell hu biex dawk li jixtiequ jgħinu iżjed, kemm b’donazzjonijiet ta’ oġġetti, memorabilia jew materjal, inkella jixtiequ jagħtu daqqa t’id b’mod manwali jew ikunu sponsors tal-klabb, jibagħtu email fuq admin@juventusmalta.com biex jingħataw dettalji dwar il-pakketti ta’ riklamar.

dical-banner-1200×280