Fl-aħħar jiem il-klabb kompla jsaħħaħ is-sigurtà tiegħu bl-installazzjoni ta’ sistema ta’ sigurtà ġdida li issa tkopri wkoll il-partijiet ta’ barra u ta’ quddiem il-klabb.

Din is-sistema ġdida, grazzi għall-isponsors tal-klabb Global Safety Malta Ltd, tagħti iktar serħan il-moħħ lil dawk li jattendu l-klabb u jipparkjaw fiż-żoni tal-madwar. S’issa qatt ma kienu rrappurtati lilna xi każi ta’ serq, ħsara jew vandaliżmu, għaliex iż-żona diġa hi pjuttost sikura, iżda din is-sistema se tilqa’ wkoll għal din il-possibbiltà.

Mhux hekk biss, iżda b’din is-sistema se jinqata’ wkoll l-abbuż ta’ rimi illegali ta’ skart fl-inħawi, jew il-ħruġ ta’ skart f’ħinijiet li mhux suppost. Il-Kumitat jinnota li diġà sar titjib sostanzjali immedjatament mat-twaħħil ta’ avviżi li ż-żona hi mgħassa.

Ta’ dan, il-Kumitat jirringrazzja lil Royston Vella u Global Safety Malta Ltd li dejjem appoġġjaw lill-klabb, biex illum għandna l-aqwa protezzjoni possibbli kontra serq, vandaliżmu jew każi ta’ nirien fil-klabb.