Il-Primavera taħt it-tmexxija ta’ Fabio Grosso, għamluhom tliet rebħiet minn tlieta fil-fażi tal-gruppi tat-turnew ta’ Viareggio, wara r-rebħa kbira u konvinċenti fuq l-Amerikani ta’ L.I.A.C New York bl-skor ta’ 6-0.

Tliet gowls fl-ewwel taqsima u tlieta oħra fit-tieni 45 minuti kienu biżżejjed għal Juventus sabiex jaċċertaw ruħhom mill-ewwel post tal-klassifika. Luca Clemenza u Nicola Pozzebon kienu bla dubju ta’ xejn iż-żewġ protagonisti f’din il-partita.

Kien propju Clemenza li fetaħ l-skor minn penalti, li Pozzebon irnexxielu jakkwista wara sitt minuti biss. Ftit wara t-tletin minuta, Pozzebon u Clemenza għamluhom 2-0 u 3-0 rispettivament, bit-tliet punti jkunu diġà akkwistati wara 45 minuti.

Fit-tieni taqsima, Fabio Morselli għamilhom 4-0 u ftit tal-minuti wara, Guido Vadalá niżżel ismu fuq il-lista tal-iskorers, bil-gowl tal-5-0. Lejn l-aħħar minuti tal-partita, Tamba M’Pinda skurja l-ewwel gowl bil-flokk ta’ Juventus hekk kif issiġilla r-rebħa ta’ 6-0.

Wara din ir-rebħa, il-Primavera jirritornaw fl-azzjoni l-Erbgħa li ġej bil-partita valida mill-aħħar sittax kontra t-tim ta’ Milan.