Fl-iStadio Olimpico ta’ Turin illum waranofsinhar intlagħab derby ieħor bejn Torino u Juventus. Kien derby missielet ħafna fejn l-esperjenza u l-qawwa Juventina ħarġu lejn l-aħħar tal-partita u sarrfu f’rebħa ta’ 1-3.
Juventus bdew din il-partita bil-formazzjoni ta’ 4-3-3. Il-bidu tal-partita kien wieħed bilanċjat ħafna b’azzjonijiet fuq iż-żewg naħat fejn fis-16-il minuta wasal l-ewwel goal tal-partita. Kien Daniele Baselli ta’ Torino li minn kross minn fuq il-lemin sab lill-attakant ta’ Torino Andrea Belotti li b’daqqa ta’ ras fir-rokna tax-xibka tefa’ lil Torino fil-vantaġġ. Fit-28 minuta wasal il-goal tad-draw ta’ Juventus meta Mandžukić għadda tajjeb lil Gonzalo Higuaín li kompla javvanza u minn quddiem Hart, il-Pipita ma falliex. L-ewwel nofs intemm bl-iskor ta’ 1-1 f’taqsima divertenti ħafna.
It-tieni taqsima kompliet bl-istess ritmu tal-ewwel taqsima, b’Torino jkollhom iktar pussess tal-ballun, fejn kellhom ukoll iktar inizjattiva b’ħafna pressing għoli tant li ma bdewx jagħtu ċans lit-tim Juventin joħloq ħafna. Kellna nistennew sat-82 minuta biex finalment ikun hemm żblokk fit-tieni taqsima. Kien ‘long-ball’ ta’ Giorgio Cheillini indirizzat lejn il-protagonista tal-partita llum, Gonzalo Higuaín, fejn b’kontroll perfett dar mad-difensur u tefa’ fix-xibka biex b’doppjetta personali tefa’ lil Juventus fil-vantaġġ.

B’Torino maħsuda b’dan il-goal Juventus komplew jippressaw u żewg minuti fuq id-90 minuta, kien Miralem Pjanić li għalaq kompletament il-partita bit-tielet goal Juventin wara azzjoni sabiħa li bdiet minn Paulo Dybala. Biex b’hekk il-partita ntemmet f’rebħa oħra fid-derby bejn iż-żewg timijiet ta’ Turin.
Noti pożittivi ħafna kienu dwar iż-żewg difensuri ċentrali tal-lum, Daniele Rugani u Giorgio Cheillini, li għalkemm rari lagħbu flimkien kienu tajbin immens u dixxiplinati ħafna. Nota pożittiva oħra; irrid ninża’ l-kappell lil Max Allegri li bis-sostizzjonijiet tiegħu biddel il-partita u li bihom waslu 3 punti prezzjużi. Għal li jmiss. Salutate la Capolista!

TORINO È SEMPRE BIANCONERA!

dical-banner-1200×280