Eric Cantona, leġġenda ta’ Manchester United, nhar il-25 ta’ Jannar 1995 jirritalja billi jixxuttja avversarju. Din ir-reazzjoni xejn sportiva twassal għal karta ħamra.

Wara li r-referee wrieh il-karta jibda miexi lejn iċ-changing rooms biex jieħu x-shower kmieni. F’daqqa waħda, Lord Ingliż bl-isem ta’ Matthew Simmons, bil-ġiri jidħol kważi fuq il-ħaxix biex jgħajjar b’mod razzjali u goff lil The King. Jekk taraw il-vidjow t’hawn taħt bil-mod tistgħu tosservaw il-mument preċiż fejn Bruce Lee jidħol fil-ġisem tal-Franċiż. Norman Davies, il-kit manager tar-Red Devils, jirnexxilu jsalva ħajjet id-delinkwent ta’ Crystal Palace.

Lil Simmons jakkużawh li insulta u pprovoka lil Cantona. Fil-qorti, huwa jiċħad dan kollu. Isostni li qatt m’għajru. Fil-ħin li l-prosekuzzjoni bdiet iġġib il-provi kontrih, qabżitlu bl-ikrah u jtir għal fuq l-Avukat tal-Kuruna b’Cantona Kick. Ta’ dan l-aġir jeħel ġurnata ħabs.

Lil Cantona jarrestawh ukoll. Jikkundannawh biex jagħmel xogħol fil-komunità. Sir Alex jissospendih sal-aħħar tal-istaġun u jfaqqagħlu wkoll multa daqs ħmistax paga. L-FA Ingliża tissospendih 8 xhur u twaħħlu multa wkoll ta’ £10,000. F’intervista tal-2011 Eric jiskuża ruħu, iżda jsostni li dak il-Kung Fu Kick huwa l-mument favorit fil-karriera kollha tiegħu.

Jekk xi ħadd jinteressah, il-logħba spiċċat 1-1.

X’ġara wkoll bħal dil-ġimgħa:

It-28 ta’ Jannar 2010 – Liverpool jixtru attakkant Urugwajan ta’ 24 sena mingħand Ajax. Tiegħu jħallsu €26.5M. F’133 logħba mar-Reds skurja 82 gowl u għamel 53 assist. Sempliċement, Luis Suarez.

Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artiklu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq marketing@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq info@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280