Il-Kumitat tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero bi pjaċir iħabbar li se jilqa’ lil żewġ eks plejers ta’ Juventus u t-tim nazzjonali tal-Italja waqt attività li se ssir fil-Juventus Club Malta Cuore Bianconero tal-Marsa, nhar is-Sibt li ġej għall-finali taċ-Champions League.
L-eks midfielder u difensur Luigi De Agostini lagħab għal Juventus bejn l-1987 u l-1992 u kien parti mill-iskwadra li kisbet double storiku bir-rebħ tat-Tazza UEFA u l-Coppa Italia fl-1989/90.
Fl-istess skwadra kien hemm ukoll Roberto Tricella, difensur li kien ġie akkwistat minn Juventus fl-1987, bħal De Agostini, u baqa’ jilgħab għall-klabb sal-1990.
Iż-żewġ plejers se jsegwu l-finali taċ-Champions League bejn Liverpool u Real Madrid flimkien ma’ dawk kollha preżenti, fuq żewġ big screens. Min jattendi se jkollu l-opportunità li jiltaqa’ u jitkellem magħhom it-tnejn.
Fl-istess serata, il-JCMCB Bar & Grill qed joffri 100 pizza b’xejn lil min jattendi. Bil-postijiet li huma limitati, dawk li jattendu jintalbu jibbukkjaw minn qabel permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna JCMCB Bar & Grill fuq Facebook. Madankollu, min jixtieq jista’ jattedni biss biex isegwi l-logħba mingħajr ma jiekol hekk kif id-dħul għal din is-serata hu b’xejn.
iż-żjara ta’ De Agostini u Tricella hi possibbli grazzi għal Pembroke Athleta Football Nursery.