Kif kulħadd jaf, din is-sena Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero ġie uffiċjalment rikonoxxut bħala l-akbar klabb Juventin barra mill-Italja: it-13 l-akbar klabb overall minn lista ta’ aktar minn 460 klabb, kif ukoll l-akbar klabb f’Malta b’madwar 780 membru DOC u madwar 1,100 membru regolari.

Fost il-benefiċċji li gawdew minnhom il-membri DOC insemmu biljetti bi prezzijiet face value għal-logħob iż-żgħar kollha, roħs kbir fuq biljetti mixtrija mingħand l-aġenti għal-logħob il-kbar, opportunità li tagħmel walkabout jew terzo tempo meta jkunu disponibbli u ċans li tidħol Vinovo waqt sessjonijiet ta’ taħriġ ta’ Juventus.

Barra minn hekk insemmu li għal min kien membru DOC setgħu jsiru arranġamenti ferm tajbin għall-biljetti tal-finali taċ-Champions League tas-sena l-oħra fejn ma kienx hemm bżonn li wieħed jieħu l-pakket obbligatorju offrut minn Franco Rosso.

Avveniment ieħor importanti li gawdew ħafna minnu l-membri DOC hija l-finali tal-Coppa Italia. Filwaqt li l-membri DOC ħallsu €30, €50 u €130 għall-biljetti, membri oħra li ma laħqux issieħbu mas-sistema DOC ħallsu €180, €210 u €260 għall-istess biljetti. Meta tikkunsidra li l-klabb kellu 28 biljett ieħor għad-dispożizzjoni tal-membri DOC li ma ntużawx hija veru ħasra.

Fost il-vantaġġi oħra li f’għajnejn il-membri mhumiex viżibbli, ta’ min insemmu li strateġikament il-klabb aktar ma jkollu membri DOC aktar jidher b’saħħtu f’għajnejn Juventus biex b’hekk ikun ħafna aktar faċli li nġibu ammonti akbar ta’ biljetti bil-prezzijiet oriġinali kif ukoll meta nkunu se nippruvaw inġibu xi plejer, diriġent jew xi eksplejer, ikollna appoġġ ħafna akbar.

Issa sar possibbli wkoll li tissieħeb membru mal-klabb, kif ukoll membru DOC, onlajn billi tagħfas HAWN.

F’isem sħabi tal-kumitat nista’ ngħid li dmirna qed nippruvaw naqduh bl-aħjar mod possibbli biex isem il-klabb ikompli jikber. Ħafna minnkom ukoll qed tagħmlu dan magħna! Issa qed nitolbukom tagħmlu l-parti tagħkom u tissieħbu mal-klabb u mas-sistema DOC biex inkomplu nikbru u ngawdu flimkien!

Omar Busuttil – President
Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero
L-Imrieħel