Ilbieraħ Juventus kaxkru lil Dinamo Zagreb u tawhom 4 gowls ġewwa darhom stess. Ipprevedejt li ħa tkun logħba iebsa u jekk wieħed iħares lejn ir-riżultat malajr jaħseb li kont żbaljat. Iżda dan mhux eżattament il-każ. Dan kien każ ta’ riżultat kemxejn giddieb.

Dinamo ntefgħu jiddefendu fuq wara u kien diffiċli biex Juventus iwaqqgħu l-ħajt difensiv Kroat. Tant hu hekk li Hernanes kellu jipprova minn barra l-kaxxa, u sewwa għamel. Kienu organizzati ħafna u bdew jiddefendu b’għaxra fuq wara u għoljin ħafna. Setgħu jippressaw ħafna aħjar, infatti kien pressing laxk, ġieli solitarju u bla ħeġġa, u kien għalhekk li l-midfielders Juventini kellhom ċans jaħsbu u jikkalkulaw.

Mhux faċli illi wieħed jagħmel logħba sħiħa għaddej bil-100, jew li jibda bil-100. Juventus damu xi għoxrin minuta biex qagħdu u ġew f’tagħhom. Bdew aggressivissimi, xi ħaġa li kont ili ma nara u vera ħadt pjaċir naraha. Infatti Alves kważi mill-ewwel ħoloq okkażjoni għall-Pipita bi kross insidjuż. Aggressivi, iżda teknikament u tattikament mhux wisq puliti. Erġajna rajna żbalji difensivi gravissimi fejn Juventus irregalaw il-ballun lill-avversarju. Darba minnhom għamilha Chiellini u setgħet kienet fatali.

Iżjed ’il fuq għidt li r-riżultat kien kemxejn giddieb u li 0-4 ma jfisser xejn. Biżżejjed wieħed janalizza l-mumenti kruċjali tal-partita; il-gowls u l-okkażjoni tal-Kroati.

0-1. Gowl ta’ Pjanić. Inħoloq minn passaġġ twil ta’ Bonucci, taħwida manja difensiva, luċidità fenomenali tal-Pjanista quddiem il-lasta u gowl.

Ftit mumenti wara, fawl bla sens ’il barra mill-kaxxa. Kross min-naħa tat-tim tal-Kapitali, amneżija difensiva u lasta ssalva lil Buffon. L-istaġun ilu li beda xahar u nofs u fuq sitwazzjonijiet ta’ blalen weqfin il-fażi difensiva għadha lura ħafna. Il-Kroati kellhom ċans tajjeb ħafna biex iġibu d-dro mill-ewwel u jaqtgħu qalb Juventus.

0-2. Melodija ta’ ballun min-naħa ta’ Pjanić għal Higuaín li jikkontrolla b’sidru u qabel il-ballun imiss mal-art jitfgħu fix-xibka bil-kwiet. Inkredibbli l-kalma li żamm quddiem il-lasta. Ma kontx inkun sorpriż naralu cocktail f’idu.

0-3. Gowl fenomenali ta’ Dybala. Anzi, Dyballa. Bravura eċċezzjonalissima. Ta’ min jipprintja ritratt tal-mument tax-xutt u jdendlu fil-kamra.

0-4. Freekick ftit ’il bogħod. Xutt ta’ Dani Alves, barriera, paprata tal-gowler u gowl.

Jekk wieħed janalizza l-gowls, apparti t-tielet wieħed, isib xi ‘difetti’. Kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni ġew mill-bravura tas-singolu. Huwa fatt magħruf li Allegri jħobb li s-singolu jeżalta ruħu, imma din tmur kontra l-filosfija tat-tqassim tal-ballun. F’kelma waħda, sar dak il-passaġġ għax ma kinux jafu kif ħa jaslu sal-lasta bil-pussess tal-ballun. Did-darba ħadmet, imma mhux dejjem ħa taħdem. Timijiet kbar mhux ħa jħalluk tagħmel dawk it-tip ta’ passaġġi. Speċjalment iżjed minn darba fl-istess partita.

L-ewwel u r-raba’ wieħed, imbagħad, għandhom ħafna minn dak li t-Taljani jsejħulu ‘Fattore C’. Fortuna. Pura. Fl-aħħar daħkitilna naqra din il-kompetizzjoni, imma għal darb’oħra ma nistgħux inserrħu dejjem fuqha.

Qabel insib folla nies wara biebi bit-torċi; mhux ngħid li Juventus lagħbu ħażin. Anzi, lagħbu pjuttost tajjeb. Erġajt rajt grinta, aggressività, voglia di vincere u ftit ordni tattika fin-nofs. Xorta jibqa’ l-fatt li Pjanić hemm bżonn jiġri iżjed, hemm bżonn t’iżjed organizzazzjoni u fażi difensiva aħjar. Il-logħba tal-bieraħ jaf tkun il-bidu ta’ sensiela pożittivissima.

Qabel nagħlaq nixtieq infaħħar plejer li ħafna drabi kkritikajtu: Hernanes. Ilbieraħ għamel l-aqwa logħba kemm ilu ma’ Juventus. Għen fuq wara, mexxa n-nofs u kien perikoluż ukoll fl-offensiva.