Ftit tal-jiem ilu eksplejer ta’ Juventus, Zlatan Ibrahimović, u Juventus kienu involuti f’kontroversja żgħira hekk kif tabib Żvediż allega li Ibracadabra kien jieħu sustanzi illegali fiż-żmien li kien ma’ Juventus. Dawn l-allegazzjonijiet wasslu biex l-aġent tal-istess Zlatan, iċ-ċelebri Mino Raiola, permezz tal-medja, jhedded li se jieħu azzjoni legali. Din it-theddida wasslet biex it-tabib jiskuża ruħu u jmur lura fuq kliemu.

Min-naħa l-oħra Juventus reġgħet għażlet it-triq tas-silenzju. Reġgħet tkun il-kelma importanti f’dik is-sentenza. Qed ngħid reġgħet għax Juventus dejjem hekk tagħmel meta jkun hemm xi akkuża kontriha ta’ dan it-tip, kemm jekk fil-ġurnali, kemm jekk fuq it-televixin u kemm jekk fuq medja soċjali.

L-Ingliżi jgħidu li s-silenzju hu dehbien. Jien ma naqbilx. Is-silenzju hu bħax-xabla Ice ta’ Game of Thrones li qiegħda tipponta lejn żaqq min qed jirċievi l-akkużi. Is-silenzju jħalli lok għall-interpretazzjoni, għall-ispekulazzjoni, għal konklużjonijiet mhux mgħarrfa u għal gideb sfaċċat. Il-voċiferità u s-saħħa fi tweġiba, min-naħa l-oħra, ma tħalli post għall-ebda ħaġa minn dawk imsemmija. Tħalli lok biss għall-verità ċara kristall daqs l-aqwa linfa ta’ Swarovski.

Kultant paragrafu ta’ mitt kelma fuq is-sit uffiċjali huwa biżżejjed. Is-soċjetà tkun ħadet pożizzjoni ċara u turi l-intenzjoni tagħha x’inhi. Ħafna drabi, bħal ċertu allegazzjonijiet minn Rudi Garcia, ekskowċ ta’ Roma, u Francesco Totti (“Sakemm hemm Juventus, niġu dejjem it-tieni [daħka sardonika]”), mitt kelma fuq is-sit mhux biżżejjed, aħseb u ara s-silenzju. Kultant hemm bżonn il-martell tal-liġi, tal-qorti, tal-libell.

Mhux ngħid li jekk Toni Borg fuq Facebook jikteb li Juventus jixtru r-referis jibagħtulu l-marixxal, imma jekk nies ta’ ċertu stoffa, ta’ ċertu influwenza u ta’ ċertu pożizzjoni jgħidu, frankament, baħnanati, bħal Totti, Pistocchi (“Higuain tort ta’ Bonucci” u “Irrati biddel ir-rapport tiegħu wara l-logħba u ma jirriflettix dak li ġara verament fil-grawnd”), Sconcerti (“Smajt affarijiet [fuq Juventus] li intom l-umani ma temmnux”) Juventus għandha tieħu azzjoni legali b’saħħitha ħalli kulħadd jibda jqis darbtejn, tlieta xi jgħid.

Forsi ħafna jaħsbu li qed inkun paranojku imma t-tip t’argumenti fuq it-televixin, fuq ir-radju u fil-gazzetti li qed jinġiebu kontra Juventus bħalissa, it-tip ta’ vidjows li qed isiru u jintwerew, ifakkruni ħafna fiż-żmien 2000-2006, li għalkemm ma niftakarhomx smajt u qrajt ħafna dwarhom, li wasslu għal Calciopoli.

Li kienu l-bażi ta’ Calciopoli. Li l-qrati rreferew għalihom u użawhom bħala evidenza. Inqas silenzju, iżjed azzjoni.