Il-logħba li għaddiet, kif kulħadd jiftakar, spiċċat b’żewġ gowls u tliet attakki tal-qalb kull naħa. Il-Bayern ħa jkollhom il-vantaġġ li jilagħbu f’darhom u kienu ilhom ma jitilfu fl-Allianz Arena minn Mejju li għadda qabel sabu lil Mainz li wettqu miraklu.

Il-Bayern xorta għandhom il-lig fil-but. Tagħhom żgur. Ħaduh. Jistgħu jiffukaw fuq ic-Champions League biss u jiddedikaw irwieħhom biex jaslu sa Milan u jieħdu t-tazza lura magħhom il-Bavarja biex jimlewha birra.

Il-Juventus għaddejjin minn forma pjuttost tajba. Apparti r-raqda ta’ bumerin kontra Inter fil-Coppa Italia, li xorta rebħu fl-aħħar, kollox miexi ħarir. Riżultat pożittiv wieħed wara l-ieħor fil-kampjonat.

L-istatistika u l-pronostiċi kollha jagħtu lil Bayern bħala favuriti u li ħa jgħaddu żgur. Ilha hekk mill-poloz. Anke l-plejers ta’ Juventus emmnuha. Ftit kienu li emmnu li hemm tama hekk kif rajna l-isem Bayern München. Baqgħet hekk sat-63 minuta tal-logħba l-oħra. Sakemm stenbaħ Dybala fiċ-Champions League.

Imbagħad? Imbagħad qomna. Qamu. Il-bażi tat-tattika, li fl-opinjoni tiegħi kienet tajba ħafna, baqgħet l-istess. Jassorbu l-pressjoni u jitilqu kontrattakk. L-eżekuzzjoni u l-mentalità nbidlu. Bayern ma baqgħux Galactus imma saru bnedmin bħall-oħrajn. Tim bħall-oħrajn. Tim li tista’ tirbaħlu. Flok xebgħa tkaken fil-vojt, affarijiet sempliċi iżda effettivi. Imbagħad wasal Sturaro li poġġa kollox f’postu. Imma l-iżjed ħaġa importanti hi li waslet il-grinta. Li jiġġieldu għal kull nofs ballun. Mandžukić għamel partita enormi minn dan il-lat. Sturaro kif daħal ukoll u anke Morata. Importanti ma ninsewx lil Hernanes. Li ħafna, jien in primis, ikkritikajtu imma għamel partita eċċezzjonali. Anzi, għamel Partita.

U din l-attitudni għandha tintuża fl-Allianz Arena. It-timijiet ta’ Guardiola qatt ma jinżlu jiddefendu. Ħa jinżlu biex jimlewna kif dejjem jagħmlu. Ħa jinżlu biex jiskurjaw u jirbħu. Biex jagħtu spettaklu. Biex jiġbru l-olas tal-pubbliku. Dan ifisser li ħa jkunu miftuħa. Ħa jkun hemm l-ispazji fil-grawnd. Ħa jkun hemm ċans li naqbduhom. Ħa jkun hemm ċans li ntuhom wieħed jew tnejn. Iebsa, mhux impossibbli. L-importanti li kull nofs ċans ta’ gowl, niskurjawh. Jekk Dybala jivvinta ieħor bħal kif ivvinta ma’ Sassuolo biżżejjed. Mainz, li bir-rispett kollu mhux tajbin daqs il-Juventus, rebħulhom. Is-sena l-oħra mar-Real Madrid kulħadd qal li għal barra u għax niżlu bil-grinta, bir-rieda li jkissru d-dinja kollha, bir-rieda li jgħidu lid-dinja “Isma’, aħna hawn. Aħna tim kbir ukoll.” Għaddew u waslu fejn waslu.

Rispett dejjem, biża’ qatt. Let’s be heroes just for one day. U nagħmlu ħaġa li ħafna ilhom ma jagħmlu – nirbħu fl-Allianz Arena u niskurjaw tnejn. Niksru t-tabù li ilu għaxar snin għaddej: dak li dejjem inqlajna meta ġejna mal-Bayern Munich. Let’s be heroes.

Segwina wkoll fuq Facebook, fil-paġna uffiċjali tagħna, kif ukoll fuq Instagram u Twitter.