Għadni kemm sirt naf li Marchisio, Dybala u Chiellini żgur għal barra u probabbilment Mandžukić. Nibda biex ngħid li mhux impossibbli li ngħaddu. Il-Mainz, tim li l-ewwel ħdax tiegħu huma agħar mir-riservi tal-Juventus, rebaħ ġewwa darhom. Barra minn hekk, mirakli sportivi rajt, bħal Manchester United fl-1999, jew kontra l-Barcelona meta skurja Zalayeta. Jew kontra Real Madrid taħt Ranieri meta kien hemm plejers bħal Grygera jilagħbu. Fino alla fine, mhux hekk?

Però, irrilevanti mir-riżultat u jekk ngħaddux jew le, u għalhekk qed nikteb issa ħalli ħadd ma jakkużani li għax maħruq bit-telfa jew li jien baħri tal-bnazzi, hemm xi affarijiet li kellhom isiru aħjar. Kowċ m’iniex u mhux beħsiebni nibgħat is-CV lil Juventus lanqas.

Kienet deċiżjoni ħafna ’l bogħod minn għaqlija li tissogra lil Chiellini, li ma kienx f’postu 100% kontra l-Inter fil-kampjonat meta ħafna aħjar minnhom u ma kienx hemm għalfejn jissograh. Kieku l-għaqal joqgħod Marsaxlokk, din il-mossa toqgħod in-Nadur. Ma kinitx partita ta’ ħajja jew mewt.

Marchisio, li kien għadu kif irkupra, lagħab 90 minuta sħaħ ma’ Sassuolo. Ir-riżultat ta’rebħa minima juri li Sassuolo għadma iebsa immens, imma għaliex ma daħalx Hernanes, li kapaċi jwaqqa’ r-ritmu tal-logħob la kienu qed iġennuna bil-veloċità, jew Padoin?

Dybala bilfors jilgħab għax huwa l-aqwa plejer li hemm fl-iskwadra u ma nlumux lil Allegri li jilagħbu. Anzi. Iżda hawnhekk issa joħroġ l-iżball li sar f’Ġunju: dak li ma nxtarax il-ħames attakkant. Xi ħaġa li ħambaqt fuqha ilu ħafna u li issa, sfortunatament, għandi raġun fuqha. Mandžukić, Zaza u Morata kollha kapaċi jilagħbu bħala target man, allura wieħed biex iserraħ lil Dybala…?

Fuq Mandžukić ukoll seħħ żball. Iweġġa’ u kull darba jerġa’ jgħaġġlu biex jirkupra. Darba wara l-oħra. U hu ma jafx jgħid le għax qalbu kbira u gwerrier. Imma issa?

It-tim tal-atletika u tat-tobba wkoll għandhom bżonn tbeżbiża. Mhux sew nitfgħu kollox fuq Allegri jew il-plejers għax huma jidhru. Chiellini ilu jbati bl-istess muskolu snin. X’qed jiġri?

Issa nisperaw f’Asamoah, Hernanes, Khedira, Sturaro u/jew Pogba. Ħasra li Lemina mhux fil-lista għax bħalissa għaddej mument ta’ forma tajba. Kollha kemm huma apparti Khedira għandhom l-opportunità ta’ ħajjithom issa u ħa jkunu motivati bl-addoċċ. Sturaro jiġri ħafna iżjed minn Marchisio u jippressa ħafna iżjed għalkemm teknikament ifqar. Pogba dal-istaġun għadu ma laħaqx dak li kien mistenni minnu. Forsi xi xutt minn barra l-kaxxa…

Il-koppja Zaza u Morata lanqas li rendiet matul l-istaġun s’issa imma l-grinta ta’ Zaza tista’ tieħu post dik ta’ Mandžukić. U Morata, jekk ma joqgħodx jaqa’ ma’ kull kuntatt, jista’ jtella’ kontrattakki tajbin ħafna. It-tnejn tal-aħħar il-ħin kollu jiċċaqalqu u ma jagħtux punt ta’ riferiment lid-difiża, xi ħaġa li Mandžukić jagħmel. Bayern Münich kienu qegħdin jippreparaw għal dawn il-plejers ukoll, dan ifisser li issa huma jridu jerġgħu jaħsbu mill-bidu u anke forsi jbiddlu xi tattika.

Iebsa ħafna, imma impossibbli le. Juventus dejjem jilagħbu aħjar meta jkunu l-underdogs. Il-logħba li għaddiet turi kemm il-grinta u s-saħħa morali jistgħu jwasslu ’l bogħod. Ma ninsewx Chelsea b’liema tim rebħu ċ-Champions League. Ma ninsewx li darba l-Greċja rebħet Euro.

Let’s be heroes just for one day. Fino alla fine.

Segwina wkoll fuq Facebook, fil-paġna uffiċjali tagħna, kif ukoll fuq Instagram u Twitter.