Ftit kien hemm dubji dwar il-kwalitajiet ta’ Daniele Rugani meta s-sajf li għadda reġa’ lura wara l-esperjenza tiegħu ma’ Empoli. Ma’ Empoli għaqqad 81 preżenza, 5 gowls, 2 assists u 3 karti sofor, kollha kemm huma fis-Serie B. Fil-50 preżenza tiegħu fis-Serie A, maqsumin bejn Empoli u Juventus, Rugani qatt ma qala’ karta safra.

Kemm ilu ma’ Juventus id-difensur żagħżugħ ta’ 21 sena għaqqad 16-il preżenza bl-ebda gowl jew assist u b’karta safra biss fil-Coppa Italia. Għall-ewwel deher li bata ftit il-qabża bejn tim bħal Empoli u tank tal-gwerra bħalma hi Juventus. Infatti għall-ewwel ma tantx impressjona u s-sapporters dehru ftit inkwetati, però, meta weġġgħu Chiellini u Barzagli xtaquh jilgħab u kienu diżappuntati meta Allegri pprefera jilgħab b’erbgħa fuq wara flok jilagħbu.

Dan wassal għal kritika indirizzata lejn Allegri li dejjem tenna l-istess ħaġa: “Għadu żgħir, għandu bżonn jikber u qed jikber. Jilgħab biss meta jkun lest. U jekk jilgħab u jiżbalja ma nimmassakrawhx.”

Meta konna donna nsejnieh u qtajna qalbna li ħa jilgħab (uħud spekulaw li għamel xi ħaġa lit-tifla t’Allegri) narawh imniżżel fil-lista kontra Inter fil-Coppa Italia mill-ewwel minuta. Logħba li ħafna jiftakruh fiha bħala dak li kkonċeda il-penalti lil Inter fit-82 minuta. Imma jien niftakru jiġri qisu l-indumunjat wara kulħadd. Niftakru jagħlaq kull ballun. Niftakru jġib il-kunfidenza. Ftit jiem qabel kien lagħab kontra Inter ukoll fil-kampjonat wara li daħal flok Chiellini minħabba li weġġa’, u kien pjuttost diskret. M’għamel xejn speċjali. Qatt ma ssogra. Ftit jiem wara kien bil-maqlub.

Minn dik il-logħba lil hawn baqa’ dejjem jitjieb u jżid fil-kunfidenza. Hu qed jikseb il-kunfidenza fih innifsu filwaqt li Allegri u s-soċjetà qed jikkonfermaw il-kunfidenza li kellhom fih. Wara dik il-logħba tal-Coppa Italia lagħab 5 logħbiet sħaħ minn 6. L-unika waħda li qabeż kienet dik eżatt wara l-120 minuta tal-Coppa Italia, probabbli għax kien għajjien. F’kull logħba kien maġistrali imma l-inkurunament ta’ kollox kien proprja kontra l-eksklabb tiegħu Empoli. Il-mument simbolu li juri li kiseb il-kunfidenza fih innifsu hija meta għamel finta fuq Maccarone ftit ’il barra mill-kaxxa ta’ Juventus u qabżu. Il-ħaġa li turi li Juventus jemmnu fih sal-aħħar bil-fatti hija li bagħtuh għall-intervisti quddiem il-kameras u l-istazzjonijiet kollha. Xi ħaġa li s-soltu jagħmluha senaturi bħal Buffon, Evra, Bonucci, Chiellini u l-bqija. Dak kien il-mument fejn qalulu: “Aħna nemmnu fik. Jekk trid tista’ tibqa’ hawn, tkun parti mill-futur ta’ Juventus. Tista’ titgħallem u tikber. Eventwalment tieħu post xi ħadd mit-tliet titani ta’ quddiemek.”

Jekk il-ġimgħa l-oħra rajna lilu nnifsu u lis-soċjetà, ilbieraħ kontra Milan rajna lil Max Allegri jidilku biż-żejt taż-żebbuġa minn ġol-qarn billi, għal mumenti twal fil-partita, meta deher li Bonucci kien qiegħed jiġi ppressat kontinwament, lagħbu fil-post ta’ Bonucci fiċ-ċentru tad-difiża. Hawn kien qiegħed jikkontrolla lid-difiża u mostri sagri bħal Barzagli u l-istess Bonucci. Iva, ilbieraħ żagħżugħ ta’ 21 sena mexxa d-difiża Juventina li hi waħda mill-aqwa fl-Ewropa, u kieku ma tkunx taf lanqas tinduna li kien hemm xi ħaġa differenti mis-soltu. Fl-istess ħin serva ta’ ħajt man-naħa tax-xellug.

Jekk inħarsu lejn l-istatistika naraw li kklirja ħames darbiet, rebaħ erbat iblalen bir-ras, interċetta tlieta, ittekilja darbtejn u żbalja passaġġ wieħed biss minn kull għaxra.

Iva, Daniele Rugani fl-aħħar wasal Turin.