Fino alla fine jaqaw motto biex nipprintjawh fuq il-flokkijiet? Motto biex inkantawh meta nirbħu? Motto li nagħmluh fuq l-istampi ta’ Facebook u nqażżu d-dinja bihom meta nirbħu?

Fino alla fine tfisser sal-aħħar. Tfisser tistinka sa ma l-ballun jidħol fix-xibka. Sakemm jispiċċa kollox. Sakemm isaffar tliet tisfiriet, sakemm tirbaħ it-tazza, sakemm issir mill-aqwa fl-Ewropa u fid-dinja.

Fino alla fine ma tfissirx li ddaħħal lil Mandžukić fit-72 minuta biex tiddefendi riżultat marġinali ta’ 0-2. Ma jfissirx li tinżel kollha, bil-ballboys u l-istaff atletiku, fil-kaxxa fit-72 minuta. Ma jfissirx ma tippressax għoli iżjed fit-72. Ma jfissirx li fil-ħin barrani tilgħab għall-penaltis. Għax id-dinja kollha taf li jekk ħa tingħalaq ġol-kaxxa t-timijiet ta’ Guardiola jimlewk gowls. Kif ġara. Li żgur m’għandekx ċans tgħaddi. Jaħasra, sa dak il-ħin partita perfetta. Bla żball minimu.

Ma rridx nisma’ b’referis. Il-gowl ta’ Morata kien validu. Il-gowl tat-2-0. Imma meta ta’ kontrina jsemmu r-referis ngħidulhom li jagħmlu hekk għax ma jafux jitilfu. Ngħidulhom li kieku tajbin misshom skurjaw ieħor. Għalhekk ma nsemmix ir-referis. Morata għamel xogħol brillanti imma kellu ċans jagħmel ieħor żgur. Sturaro l-istess. Mandžukić l-istess. Fino alla fine kieku ma qatgħux qalbhom u baqgħu jippressaw sal-aħħar. Nerġa’ ngħid; sat-72 minuta kienet logħba perfetta mbagħad saru l-Juve tal-ewwel siegħa fl-ewwel leg.

Fino alla fine tgħodd ukoll għas-sapporters. Nifhem id-diżappunt u jidher fija fil-paragrafi preċedenti, imma ma jfissirx li nibdew inħaġġru lill-plejers bl-addoċċ. Ma nikkritikawx lil Allegri b’mod żejjed u nsallbuh. Kellu ħafna plejers neqsin. Basta nqażżu Facebook bil-fino alla fine, imbagħad parpar kulħadd ‘l hemm. Għalija tal-mistħija u ma niddejjaqx ngħidha. Ħa nikkwota lil Conte: “Issa ejjew fuq il-karru la nieħdu tazza oħra” u iktbu “Grande Max”.

Fino alla fine tfisser li bħall-bokser li jaqla’ daqqa ta’ ponn ġo geddumu jqum man-numru disgħa, lest għall-gwerra biex jieħu li jista’ jieħu; il-kampjonat u l-Coppa Italia. Avanti Juve!

PS: M’għandux x’jaqsam mal-artiklu oriġinali, imma dak li tieħu meta tbigħ lil konkorrent dirett. Qbilt mal-bejgħ ta’ Vidal għax beda jinfluwenza ħażin l-ambjent. Imma fuq il-gowl tat-3-2 ikkombinaw Vidal u Coman. Tal-4-2 tefgħu ġewwa Coman. Dak li l-Juventus irmew u tawh direttament lill-kompetituri. Meta l-kompetituri lanqas riedu jtuna riserva; Götze. Issa nifirħu bil-plusvalenza li għamilna u l-flus li tellifna fiċ-Champions League.

Segwina wkoll fuq Facebook, fil-paġna uffiċjali tagħna, kif ukoll fuq Instagram u Twitter.