Darba qrajt xi mkien kwotazzjoni li kienet laqtitni u baqgħet f’moħħi. Kienet bl-Ingliż u kienet tgħid: “We see things not as they are, but as we are…”

Tgħodd għal ħafna affarijiet fil-ħajja, ta’ kif aħna nħarsu lejn l-affarijiet. Tgħodd ukoll, b’mod speċjali, għalina l-partitarji li nsegwu l-futbol. Iżżomm ma’ min iżżomm. “Kien penalti?” “Ħaqqkom tirbħu?” Twieġeb billi tipprova tkun, jew tilgħabha, tan-newtrali kemm jista’ jkun. Imma fil-verità diffiċli tkun hekk. Għax jekk tammetti xorta tispiċċa ddur mal-lewża u ġġib xi skuża oħra jew tgħid: “Veru ma kienx penalti… imma fl-ewwel half kellna wieħed u ma tahulniex…”

L-isbaħ imma, u verament niggustahom, huma dawk il-partitarji li jiġri x’jiġri, meta t-tim tagħhom jitlef, dejjem isibu xi skuża. U m’iniex ngħid b’mod partikolari għall-Interisti. Għalkemm, insomma, ikolli nammetti li huma ġew f’moħħi l-ewwel.

Bilfors imma. Il-ġimgħa li għaddiet għall-aħbar li l-President il-ġdid tal-FIFA, Gianni Infantino, se jintroduċi r-replay fil-futbol, bdejt nara xi posts minn sħabi Interisti bil-kliem, “Finalmente avremo la moviola in campo”. Taħt ritratt ta’ Buffon, Marchisio u iktar Juventini jiddispraw. Bħallikieku jridu jgħidu “Juventini, gawdu l-aħħar rebħ tagħkom dan l-istaġun, għax mis-sena d-dieħla, bl-introduzzjoni tar-replay fil-grawnd mhux se tirbħu iżjed. Daqshekk tawkom rigali, penaltis, gowls irregolari, eċċ., eċċ.” Kemm huma ħelwin hux.

Mur għidilhom li, fil-verità, il-Juventini ferħu wkoll u laqgħu bi tbissima din l-aħbar ta’ Infantino. Għax hekk, l-avversarji tagħna żgur mhux se jkollhom aktar skużi għalxiex ma rebħux. Ma jistgħux jibqgħu jeqirdu li l-Juve rebħu grazzi għall-għajnuna tar-referis. L-istess il-kuġini tagħhom, il-Milanisti ta’ Galliani u l-famuż gowl ta’ Muntari. Li għalihom dak il-kampjonat intilef hemm, nesew li wara xorta kellhom vantaġġ sostanzjali u tilfuh! Ħadd ma jara tiegħu, kemm-il deċiżjoni favurihom kien hemm ukoll. U ħadd ma jsemmi li fil-verità l-aqwa tim jispiċċa jirbaħ il-kampjonat. Jew kulħadd jafha, imma diffiċli tammettiha jew tgħidha.

Mhux se nidħol f’mertu jekk hix ġusta jew le din id-deċiżjoni ta’ Infantino u tal-FIFA. Kulħadd bl-opinjoni tiegħu u ż-żmien jagħtina parir. Forsi nibdew nimmissjaw il-polemiċi u l-iskużi li nġibu. Forsi l-midja Taljana mhux se jkollha biex timla l-programmi sportivi tagħha. Jew forsi fl-aħħar, finalment, nibdew inċapċpu u nifirħu lit-timijiet ta’ kontrina.

Li hu żgur li fil-futbol m’hawn xejn isbaħ mir-rebħ. E la Juve “vince sul campo” għax superjuri. Anki jekk l-avversarji ma jammettuhiex. U xi skuża dejjem se jsibu. U meta se jirbaħ xi tim ieħor jien inkun l-ewwel wieħed li (nipprova) nammetti… u nara r-riżultat “as it is, not as I am.”