Jumejn wara l-ewwel logħba tal-kampjonat 2016/17 il-qalb tikkalma u l-moħħ jibda jaħseb aħjar mingħajr titpin t’emozzjoni. Bdejna bil-bosta aħjar mis-sena l-oħra. Tliet punti f’logħba waħda kontra punt fi tliet logħbiet.

Iżda għadu kmieni biex nilħqu konklużjonijiet. Ħaddieħor jirbaħ l-Iscudetto f’Awwissu, Settembru, Ottubru… Asamoah, fl-aħħar fil-pożizzjoni naturali tiegħu, u Lemina impressjonaw ħafna u lagħbu tajjeb ħafna. Lemina ħa ftit ħin biex qabad, però malajr dara u beda jbeżża’ lill-avversarji.

Id-difiża kompliet fejn ħalliet fl-aħħar tal-kampjonat u fil-Euro. Sigurtà, kunfidenza, kalma. Ħajt bil-Ħ kbira. Alex Sandro għamel żball wieħed li wassal għall-gowl, il-bqija kien perfett. Dani Alves jaqaw ilu jilgħab magħna xi ħamsa u għoxrin sena? Għax il-kunfidenza, l-intelliġenza tattika u kif beda jqassam ma’ Dybala, b’mod telepatiku, hekk iġegħluk taħseb.

In-naħa l-oħra tal-grawnd kien hemm Dybala u Mandžukić. Dybala niżel għal ħafna blalen biex b’hekk ħoloq l-ispazji għall-medjani, bħal fl-ewwel gowl, u għall-istess Mandžukić. Jekk wieħed janalizza l-ewwel gowl jara lil Dybala jinqala’ minn mal-linja tad-difensuri avversarji, jirċievi l-ballun, itih lil Chiellini li għolla rasu biex jikkrossja u, ta’ Ġermaniż li hu, Khedira kien puntwali fin-nofs. Bil-mossa tiegħu Dybala ħalla toqba enormi warajh u aljena lid-difensur li lanqas bil-Pokèvision ma kien jarah lil Khedira ġej. Ħaqqu 92 minuti di applausi La Joya.

Imbagħad daħal Higuaín. Miss żewġt iblalen. Gowl u takkuna li wasslet għal azzjoni perikoluża immens. Il-gowl huwa diffiċli ħafna hekk kif l-ispazju kien ristrett, il-gowler u d-difensur ħarġu fuqu, il-ballun kien qed joqmos u ġie kontra siequ. Attakkant tal-kaxxa. Anzi, Attakkant tal-Kaxxa. Hekk.

Gonzalo dejjaqni b’ċertu kummenti wara l-logħba, però. “Nieħu gost jgħiduli oħxon ħalli nagħti risposta”. Kumment Naplitan, provinċjali. Juventus iħallu l-grawnd jitkellem u daqshekk. Paroli fil-vojt kien. Apparti li juri ħjiel ta’ mentalità Cassanjana; sakemm niskurja, nista’ niekol ġelat b’seba’ togħmiet differenti u 60 McNugget. LE! Imma insomma, għadu kmieni.

Issa jtih daqqtejn Chiellini fit-taħriġ u jgħaddilu.

dical-banner-1200×280